Waqt il-Kafé
Rajt Kollox Jinbidel… (jew ma nbidel xejn?)

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Herbert Ganado kien kiteb “Rajt Malta Tinbidel” dwar il-bidliet li ra f’pajjiżna tul ħajtu. Kulħadd ra xi tip ta’ tibdil matul is-snin tal-ħajja, imqar fina nfusna, fil-mod kif ngħixu, fis-saħħa tagħna, insomma f’kollox, mhux l-inqas fil-ħajja ta’ madwarna. Ħa nipprova niftakar f’bidliet rajt jien…

Rajt id-dinja tinbidel… minn pjaneta f’nofs gwerra bierda bejn żewġ super-potenzi għal ordni dinji ġdid li mhux dejjem jgħix f’ordni. Għax qatt ma niftakar żmien bla gwerer, jew bla inġustizzji u theddid ’l hemm u ’l hawn. L-affarijiet inbidlu, jekk hux għall-aħjar jew le ma nafx.

Rajt l-Ewropa tinbidel… m’għadhomx jeżistu pajjiżi bħall-Ġermanja tal-Punent u tal-Lvant, iċ-Ċekoslovakkja, l-Unjoni Sovjetika u l-Jugoslavja. Meta nsemmi dawn il-pajjiżi ma’ uliedi qisni qed nitkellem fuq xi erba’ sekli ilu. Il-maġġoranza tal-Ewropa ingħaqdet… u diġà hemm min irid jinfired.

Rajt lil pajjiżi jinbidel…twelidt taħt l-Ingliżi u llum Malta tmexxi lilha nnifisha. Niftakar żmien il-Gvernatur Ġenerali u llum għandna l-Presidenti Maltin. Ma tantx niftakarha l-Indipendenza iżda żgur niftakar li fi tfuliti kienu jagħtuna bandiera u borża ħelu kull sena. Niftakar tajjeb ir-Repubblika, l-Ħelsien u d-dħul ta’ Malta fl-Ewropa. Rajt pajjiżi jinbidel b’kull mod… rajt xejriet pożittivi ta’ xogħol, edukazzjoni u standard ta’ ħajja aħjar… iżda rajt ukoll veduti mill-isbaħ jinqerdu, rħula jingħaqdu f’ġungla waħda tal-konkrit… affarijiet li aħjar ma rajthom xejn!

Rajt il-ħajja tinbidel anke fir-raħal u fit-triq… niftakar it-tfal jilgħabu barra, naqbżu minn għalqa għal oħra, indawru xi bicca mitluqa bil-ġebel biex nagħmlu grawnd tal-futbol, niġru b’xi scooter kollu storbju magħmul minn biċċtejn injam u żewġ roti tal-ħadid… nilgħabu, nidħku, “niġġieldu” taparsi… u l-ħin ma jgħaddi qatt. It-tfal ta’ llum dejjem itellqu mal-ħajja… wiċċhom mal-ħġieġa tal-laptop jew tal-mobile jikkomunikaw mad-dinja kollha… imma solitarji… u bilkemm ikellmuk imqar fuq il-mejda tal-ikel.

Rajt ħafna affarijiet jinbidlu f’ħajti… qabel kont irqiq ħafna u issa għandi żaqq qisni mara ħobla… imma m’hemmx x’tagħmel la għandi mara taf issajjar.

U, bilħaqq, issa anke dak li nara f’ħajti qed jinbidel ukoll… għax jekk ikun fil-viċin, irrid nilbislu n-nuċċali.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel ta’ 49 sena residenti l-Gżira nħeles mill-arrest wara li darab ħafif lis-sieħba tiegħu li jgħixu flimkien. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-vittma qalet li tixtieq li jibqgħu jgħixu flimkien u…

Qorti

Liam Debono nżamm arrestat wara li mill-ġdid sab ruħu l-Qorti b’rabta mal-arrest li seħħ ilbieraħ wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Debono ġie akkużat li lbieraħ…

Aktar