Storja
“Rajt kolonna nar tielgħa daqs l-arloġġ tal-Isla” – jiftakar l-isplużjoni tal-Um El Faroud

Bhal-lum 25 sena ilu daħal għat-tiswijiet fil-baċir numru 3 fit-Tarzna, it-tanker Um El Faroud. Jumejn wara, tard filgħaxija, id-destin ta’ dan it-tanker Libjan ġarr miegħu disa’ ħaddiema, fl-ikbar traġedja fit-tarzna li tefgħet f’luttu lil Malta kollha.

L-isplużjoni qattiela fuq it-tanker Um el Faroud tibqa’ fil-memorja mhux biss tal-qraba tad-disa’ vittmi, iżda tal-ħaddiema tat-tarzna u ta’ bosta residenti ta’ madwar it-tarzna, fosthom Joseph Serracino, li rrakonta ma’ TVM dik il-ġrajja li ġabet dieqa mal-pajjiż kollu.

“Ġrejt malajr biex nara x’ġara u faċċata, hemmhekk, nara kolonna nar tielgħa mill-bacir numru 3, u rajt kolonna nar tielgħa, biex ngħidu hekk, daqs l-arloġġ tal-Isla”

Joseph Serracino u martu kienu għadhom kemm tfew it-televiżjoni biex jidħlu jorqdu, meta f’daqqa waħda semgħu splużjoni u ġrew lejn il-gallarija li tagħti għal fuq dik li kienet it-tarzna ta’ Malta f’Bormla. Kien il-Ġimgħa filgħaxija, it-3 ta’ Frar, appena daqqu l-10.15pm, u raw xena li ma jinsew qatt. “F’daqqa waħda smajna splużjoni kbira, kullimkien theżżeż. Qisu xi ħadd tela’ hawn fil-gallarija u ta daqqa ta’ sieq ’il ġewwa lil dan il-bieb.”

Is-Sur Serracino jgħid li semgħu t-tieni splużjoni, u wara ftit sekondi ta’ skiet li jtarrax, sakemm id-daqq tas-sireni kisru l-ħemda tal-lejl, u x-xeni ta’ paniku u nies jiġru fit-triq lejn it-tarzna, li jibqgħu ttimbrati f’moħħu għal dejjem. Is-Sur Serracino kien jaħdem it-tarzna u qalbu dak il-ħin waqfet għax mill-ewwel intebaħ bil-gravità tat-traġedja.

Fuq it-tanker ta’ 10,000 tunnellata, l-Um El Faroud kien hemm jaħdmu x-xift ta’ bil-lejl. L-isplużjoni tertqet it-tanker u fetħet il-gverta ktieb. Għal disa’ ħaddiema kien l-aħħar xift li ħadmu. Għal oħrajn, l-isfreġju fiżiku u psikoloġiku jibqgħu jġorruh għal għomorhom.

Joseph Abela huwa wieħed minnhom. Iħoss li d-destin ma riedux imut dakinhar. Il-mumenti tal-isplużjoni, illum, 25 sena wara, għadhom ċari kristall f’moħħu.

Kif ġie f’sensih u fi dlam ċappa moħħu mar f’martu li kienet tqila u daqt se tixtri. Ġietu s-saħħa li jinzel minn fuq il-bastiment u ċemplilha biex jgħidilha li ġrat diżgrazzja iżda hu jinsab qawwi u sħiħ.

Sebgħa mill-vittmi mietu fuq il-post u t-tnejn l-oħra mietu fi triqithom lejn l-isptar. Anġlu Sciberras minn Ħaż-Żabbar miet mal-isplużjoni. Bintu Mary Grace kienet fil-korp tal-pulizija u mhux l-ewwel darba li kien imissha xogħol Bormla. Dakinhar kienet id-dar.

L-inkjesta fl-isplużjoni li farrket it-tanker stabbiliet li xrara minn burner ta’ ħaddiem fuq il-gverta wasslet għall-ispluzjoni meta għamlet kuntratt mal-fwar ta’ petrol f’wieħed mit-tankijiet tal-vapur. L-iżgħar vittma tat-traġedja tal-Um El Faroud kellu 22 sena, l-ikbar wieħed 57. Il-funeral tad-disa’ vittmi sar fil-Paroċċa ta’ Raħal Ġdid, filwaqt li l-bastiment Um El Faroud ġie mgħarraq f’Wied iż-Żurrieq fl-1998 u jservi bħala attrazzjoni għall-għaddasa.

Il-ferita ta’ din l-ikbar traġedja fit-tarzna ma tintesa qatt. Il-kunsill lokali ta’ Bormla għada flimkien mal-qraba tad-disa’ vittmi jfakkar din it-traġedja b’ċerimonja mal-monument Um El Faroud f’Daħlet it-Tlett Ibliet.