Lokali
Ramiro Mallia huwa l-ġuvni li miet b’gass li ħareġ minn heater

Ramiro Mallia huwa ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li kmieni t-Tlieta waranofsinhar tilef ħajtu traġikament kawża ta’ ħruġ ta’ gass minn heater.

Id-diżgrazzja seħħet f’dar li tinsab fi Triq Santa Katerina f’Ħal Qormi għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar. Il-Pulizija qalet li l-ewwel investigazzjonijiet juru li Ramiro, li jgħix Ħal Qormi, intilef minn sensih b’konsegwenza ta’ ħruġ ta’ gass minn heater. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku iżda tilef ħajtu ftit ħin wara fl-Isptar Mater Dei.

TVM kien intervista li Ramiro erba’ snin ilu, fejn kien esprima r-rimors tiegħu għall-fatt li ċaħħad lil ħutu mill-ġenituri minħabba li kien marid bil-kanċer meta kien żgħir.

L-aħbar tal-mewt tiegħu ġabet magħha r-reazzjoni ta’ bosta, fosthom ta’ sieħbu Emerson Gatt, li fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook fisser lil Ramiro bħala ġuvni b’qalb tad-deheb. Qal li minkejja dak kollu li għadda minnu tul ħajtu, dejjem għeleb kull sfida u baqa’ bid-daħqa fuq wiċċu.

“Qatt ma ninsa ż-żmien li qattajna flimkien. Żgur mhux forsi li int anġlu sabiħ fis-sema. Strieħ fis-sliem ħabib u kompli agħti l-enerġija lil nies bħalek li dejjem ħadmu għal volontarjat bħal Puttinu Cares”, temm jgħid Emerson.

Ikkummenta wkoll kuġin tiegħu, Catriel Farrugia Sghendo, li ddeskriva lil Ramiro bħala gwerrier li ma kien jaqta qalbu qatt. “Lanqas meta kont qed taffaċja l-ikbar imrar bil-marda tal-kanċer. Ħriġt rebbieħ. Minflok konna t’ ispirazzjoni għalik, kont inti għalina,” qal Catriel. “Għext ħajja ta’ qaddis modern.”

Messaġġ ta’ dieqa sar ukoll minn għalliema ta’ Ramiro, fosth oħrajn, kif ukoll minn Puttinu Cares:

Ara wkoll:

Żagħżugħ li kien marid bil-leukemia jinkedd għax ċaħħad lil ħutu mill-ġenituri

Ġuvni ta’ 19-il sena jmut b’gass li ħareġ minn heater