Barranin
Rapport dwar il-pandemija fl-Ingilterra: wieħed mill-agħar fallimenti fis-saħħa pubblika

Fl-Ingilterra, rapport li sar mill-Parlament ddeskriva n-nuqqas ta’ azzjoni mill-pajjiż fl-istadji bikrija tal-pandemija bħala “wieħed mill-agħar fallimenti fis-saħħa pubblika”.

Mir-rapport ta’ 150 paġna jirriżulta li l-Gvern Ingliż – mgħejjun mix-xjentisti – ipprova jikkontrolla l-pandemija billi ttarjda l-miżuri tal-lockdown u minħabba f’hekk mardu ħafna aktar nies bil-virus u b’konsegwenza t’hekk tilfu ħajjithom eluf ta’ persuni.

Dwar il-programm tat-tilqim, ir-rapport kellu kliem ta’ tifħir u ddeskrivieh bħala “wieħed mill-iktar inizjattivi effettivi fl-istorja tar-Renju Unit”.

S’issa, il-pandemija swiet il-ħajja ta’ iktar minn 150,000 persuna fir-Renju Unit u iktar minn ħames miljun persuna madwar id-dinja.

Intant, il-Fond Monetarju Internazzjonali wissa li l-varjant Indjan qed ixxekkel l-irkupru ekonomiku fil-pajjiżi sinjuri. Fost l-agħar milquta l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Ġermanja.

L-IMF iżda wera ruħu fiduċjuż li s-sena d-dieħla, l-ekonomiji f’dawn il-pajjiżi se jirpiljaw.