Lokali
Rapporti jgħidu li l-iskejjel se jiftħu t-Tnejn li ġej

Rapporti f’ġurnali lokali qalu li t-Tnejn li ġej l-iskejjel se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom hekk kif il-gvern se jkun qed inaqqas b’kawtela l-miżuri restrittivi b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.

Rapport f’The Times ikkwota sorsi qrib il-gvern jgħidu li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fit-12 ta’ April se titħabbar aktar tard matul il-jum.

Ingħad li d-deċiżjoni li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel ittieħdet wara pariri li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Hu mifhum li f’laqgħa li saret bejn is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, l-awtoritajiet edukattivi u l-għalliema, l-awtoritajiet informaw lill-għalliema li d-deċiżjoni ttieħdet fuq parir li ngħata mill-Prof. Gauci fejn sostniet li huwa sigur li t-tagħlim jerġa’ jibda mill-iskejjel.

Dan fl-isfond ukoll tal-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-għalliema diġà ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin u għalhekk diġà bdew irabbu l-immunità kontra l-Covid-19. It-tieni doża mistennija tibda tingħata x-xahar id-dieħel hekk kif ippjanat.

It-Tnejn li għadda l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT qalet li l-ftuħ tal-iskejjel m’għandhiex tkun l-ewwel miżura li tiġi rrilaxxata.