Politika
AĠĠORNAT (2): Diversi reazzjonijiet wara rapporti li Silvio Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech

L-eks deputat kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, qal fi stqarrija li qatt ma kien jaf bl-involviment ta’ Yorgen Fenech fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hu qal dan wara li l-gazzetta The Sunday Times irrapurtat li f’Settembru tal-2018, is-Sur Valletta kien siefer ma Yorgen Fenech biex jara partita football fl-Ingilterra. Skont is-Sunday Times, dak iż-żmien is-Sur Fenech kien diġà meqjus bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjoni.

Fl-istqarrija tiegħu, is-Sur Valletta fakkar li f’Ġunju tal-2018 kien waqaf milli jkompli jinvestiga l-każ wara deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Mas-Sunday Times is-sur Valletta kkonferma li siefer ma’ Yorgen Fenech iżda qal li ħallas minn butu għas-safra.

Fl-istqarrija tiegħu kompla jgħid li hu ma kien jasal qatt isiefer ma xi ħadd li kieku kien jaf jew jaħseb li huwa indagat.

Hu stqarr li kien iddeċieda li ma jkomplix fil-Korp minhabba l-kritika fil-konfront ta’ martu, il-Ministru Justyne Caruana. Żied jgħid li dan minkejja li bejniethom kellhom relazzjoni professjonali li ma jitkellmux fuq xogħol.

B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp, il-Ministru responsabbli mill-pulizija Byron Camilleri qal lil TVM li jemmen li għandha ssir investigazzjoni fuq kull allegazzjoni. Fl-istess waqt stqarr li l-politiku m’għandu qatt jindaħal jew ikun parti minn investigazzjonijiet ta’ dan it-tip.

Il-Ministru Camilleri qal li b’dawn ir-rapporti, jinsab iktar konvint li hemm bżonn riforma fil-Pulizija. Dr Camilleri qal li din il-ġimgħa stess ser iressqu quddiem il-Kabinett, proposta dwar il-metodu ġdid tal-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Qal li dan se jwassal għal aktar skrutinju fl-għażla ta’ din il-kariga importanti fil-Korp tal-Pulizija. Qal li din il-proposta se tiġi diskussa wkoll fil-Parlament.

L-għaqda Repubblika qalet li l-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu jneħħi minn Ministru lil Justyne Caruana minħabba l-familjarità ta’ żewġha ma’ Yorgen Fenech. L-għaqda qalet li Silvio Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech meta diġà kienu saru allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni dwaru u l-Electrogas, fosthom minn Daphne Caruana Galizia. Għalhekk, Repubblika qalet li s-Sur Valletta kellu jinvestiga lil Fenech u mhux jitħabbeb miegħu.

Repubblika qalet ukoll li l-Prim Mistru għandu jneħħi lill-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, għax skont l-għaqda naqas meta għażel lil Silvio Valletta biex ikun membru fil-bord tal-FIAU fejn baqa’ sakemm irriżenja mill-Korp tal-Pulizija

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar