X

FILMAT ESKLUSSIV: It-tarbija abbandunata tingħata l-isem ta’ Cristiano

It-tarbija li ftit tal-ħin ilu nstabet abbandunata fuq għatba ta’ blokka ta’ appartament f’Buġibba ngħatat l-isem ta’ Cristiano.

Kien għall-ħabta tal-4pm meta nstabet it-tarbija bil-kurdun rieqda fuq l-għatba. Fuq il-post marru diversi pulizija kif ukoll ambulanza li ħadu lit-tarbija l-isptar. L-ewwel rapporti li waslu lil TVM jgħidu li t-tarbija hija tifel u ta’ karnaġġjon abjad u mhux eskluż li hi ta’ persuni barranin. Jidher li xħin instab it-tifel ma bekiex u xħin il-Pulizija refgħu dlonk beda jagħfaslu subgħajh.

Mill-ewwel eżamijiet mediċi li saru lit-tifel mit-tim mediku tal-emerġenza sab li t-tarbija kienet f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u twieled ta’ tlett kilogrami u nofs. Immedjetament it-tarbija tgweżwret, u mħadna ma’ infermiera ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza skortata mill-Pulizija.

Fuq il-każ inħatret inkjesta immexxija mill-Maġistat Joe Mifsud. TVM huwa infurmat li t-tarbija inizjalment ingħatat l-isem ta’ Cristiano mill-Maġistrat Mifsud. Bħala parti mill-investigazzjoni inkarigat Dr Marisa Cassar biex tagħmel l-ezami tad-DNA waqt li bdiet tfittxija biex isir magħruf minn kellu iwelled f’dan iż-żmien għalkemm sorsi qalu lil TVM li mhux bilfors li din tista’ twassal biex isiru magħrufa l-ġenituri tiegħu.

Fid-Dipartiment tal-Emerġenza ġie stabbilit li t-tarbija twieldet għall-ħabta ta’ nofsinhar. Minħabba li fuq il-post fejn instabet ma kienx hemm demm, kollox jindika li t-tarbija twieldet post ieħor u tħalliet hemmhekk. Nifmhu li ċ-ċentri tas-saħħa u kliniċi privati ġew infurmati f’każ li l-omm titlob l-assistenza medika wara it-twelid.