Lokali
Min jinqabad għarwien jew jaqra x-xorti se jibda jidher quddiem tribunal u mhux il-qorti

Bosta reati tneħħew mill-Kodiċi Kriminali ta’ Malta u ġew depenalizzati, sabiex min jinqabad iwettaq dawn ir-reati daqshekk se jidher quddiem il-Qrati ta’ Malta, iżda quddiem tribunal.

L-40 reat, li fi kliem il-Ministru għall-Ġustizzja lkoll huma meqjusa bħala żgħar, ivarjaw milli wieħed jinża’ għarwien f’post pubbliku, sa qtugħ ta’ ħaxix minn ma’ swar.

Waqt li aċċenna li dawn kollha jibqgħu illegali, spjega li issa dawn se jkunu qed jinstemgħu mill-Kummissarji għall-Ġustizzja, u għalhekk, se tkun qed jitnaqqas ix-xogħol tal-Qrati ta’ Malta.

40 reat se jitneħħew mill-Kodiċi Kriminali ta’ Malta sabiex minflok jibqgħu jinstemgħu l-Qorti quddiem Imħallef jew Maġistrat, jgħaddu għand il-Kummissarju tal-Ġustizzja u jinstemgħu fi tribunal.

Fost ir-reati li ġew depenalizzati, hemm liġijiet li jmorru lura s-snin, bħal li wieħed ma jistax jaqla’ ħaxix minn mas-swar, li wieħed jirrifjuta li ma jagħtix id-dettalji tiegħu lil uffiċjal pubbliku, li wieħed jikser il-paċi pubblika matul il-lejl, li wieħed jinża’ għarwien f’post pubbliku, jew li wieħed japprofitta ruħu billi jgħid li jaqra x-xorti jew ifisser il-ħolm tan-nies, fost ħafna oħrajn.

Fi kliem il-Ministru, dawn xorta waħda se jibqgħu kontra l-liġi, iżda mhumiex se jibqgħu jinstemgħu fil-Qorti ta’ Malta, iżda quddiem tribunal.

Il-Kummissarju tal-Liġijiet, Antonio Mizzi qal li dan se jkun qed isir wara li s-sena li għaddiet beda studju li identifika liema huma l-iżgħar reati fil-Kodiċi Kriminali. Spjega li dak li tħabbar mhux se jkun aħħari, u li għad fadal iktar proċessi x’isiru f’dan ir-rigward.

“Il-Qorti tal-Maġistrati hekk se jonqsilha ftit ix-xogħol, id-depenalizzazzjoni hija eżerċizzju li ma bediex illum, ilu għaddej, imma dan l-aħħar erġajna ħarisna lejn ċerti sitwazzjonijiet tal-liġi u rajna li dawn l-affarijiet jistgħu jiġu depenalizzati, minħabba li l-kontravenzjonijiet huma verament ta’ ordni żgħira”, qal il-Kummissarju Mizzi.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza, Edward Zammit Lewis qal li b’dan it-tibdil mistenni jonqos b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ każi pendenti fil-Qrati ta’ Malta, waqt li jagħti iktar ċans lill-Imħallfin u l-Maġistrati jiffokaw fuq reati iktar serji.

“Inħass il-bżonn għaliex rajna li hemm ksur ta’ liġi li jkun żgħir ħafna li l-Qorti tal-Maġistrati u l-istess Maġistrati qed jagħmlu ħafna ħin fuqhom, u allura sar eżami mill-Kummissarju tal-Liġijiet li jifred dawk il-ksur ta’ liġi żgħar, u allura jibdew jisimgħuhom il-Kummissarji tal-Ġustizzja.”

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq ukoll dwar il-bżonn ta’ iktar effiċjenza fil-ġudikatura, u qal li ċertu dewmien żejjed irid jinqata’.

Dan waqt li rrikonoxxa li d-dewmien mhux dejjem ikun tort tal-ġudikant, iżda minħabba li l-proċess ikun voluminuż iżżejjed.

Huwa qal ukoll li bħalissa f’pajjiżna qed isir sforz ikbar f’dawk li huma reati ekonomiċi, u li b’dak li tħabbar illum, il-Qrati se jkollhom iktar ċans jiffukaw fuq dan.