Politika
Refuġjati minn Malta mistennija jerġgħu jibdew jiġu rilokati fl-Istati Uniti – il-Ministru Bartolo

L-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti mistennija terġà tibda l-programm li bih tieħu refuġjati minn pajjiżi oħra u li kien twaqqaf mill-amministrazzjoni Trump. Dan it-tagħrif ingħata lil Television Malta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, f’intervista dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Libja.

Il-Ministru Bartolo qal li tkellem mal-Prim Ministru nominat tal-Libja li talab minn Malta aktar appoġġ f’dan iż-żmien kruċjali għall-bini ta’ Libja ġdida u nfurmah li la darba l-gvern il-ġdid ikun konfermat se jistieden għal taħdidiet fi Tripli lill-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li l-Ministru Evarist Bartolo u l-Prim Ministru nominat tal-Libja Abdul Hamid Dbeibah kellhom taħdita pożittiva li fiha Dbeibah għaraf li Malta dejjem offriet għajnuna u ħbiberija lil-Libjani u l-poplu Malti hu meqjus bħala ħabib. Wera t-tama li f’dan iż-żmien kruċjali li jrid iwassal għal elezzjonijiet f’Diċembru li ġej, Malta toffri aktar appoġġ.

Mistoqsi minn Television Malta wasalx iż-żmien li l-gvern jibgħat messaġġ politiku bil-ftuħ mill-ġdid tal-Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli, il-Ministru Bartolo wieġeb li Malta se tkun mal-ewwel pajjiżi li se tagħmel dan il-pass bl-ambaxxata u l-konsolat ikunu qed jiffunzjonaw bis-sħiħ fil-ġimgħat li ġejjin.

“Diġà qed isir ix-xogħol fuq il-bini fejn se tiftaħ l-ambaxxata. Diġà għandna konslu fil-post biex jibni s-sistema ta’ konsolat għax il-ħruġ tal-visas jiddependu minn hekk u sintendi se nagħmlu minn kollox biex inkunu fost tal-ewwel li l-ambaxxata tiftaħ.”

Qal li Malta se tkun qed tindirizza l-problema tal-viżi u l-permessi ta’ residenza biex tiżgura li jiġi evitat dewmien bla bżonn u tbatijiet għal-Libjani. Il-Prim Ministru nominat tal-Libja jrid li jerġgħu jibdew it-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi, b’Malta tgħid li f’dan ir-rigward qed tkun gwidata mill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Bartolo wera t-tama li l-bini mill-ġdid tal-istat Libjan bl-elezzjonijiet ta’ Diċembru li ġej iwassal biex jissuktaw negozjati u taħdidiet dwar temi bħall-blata kontinentali, it-tiftix għaż-żejt u l-enerġija, il-kummerċ u opportunitajiet ta’ xogħol u investiment, li fl-aħħar għaxar snin ħadu daqqa kawża tat-taqlib fil-Libja.

Mal-Ministru Evarist Bartolo trattajna l-immigrazzjoni illegali, li qal hu suġġett li l-ħidma dwaru ma waqfitx mal-awtoritajiet Libjani bil-gvern Malti jirsisti biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm migranti li jħallu x-xtut Libjani għax dan hu ta’ periklu għal ħajjithom.

“Mhijiex soluzzjoni li tgħidilhom ejjew Malta u mbagħad minn Malta se jmorru pajjiż ieħor għax dik ma ħadmitx. Jiġifieri jekk wieħed jara fi ħmistax-il sena minn kull mija li waslu f’pajjiżna, tmienja biss ħadulna l-UE, l-Istati Uniti ħaditilna d-doppju fi żmien Barack Obama u l-amministrazzjoni Biden qed tgħid li se terġa’ tibda l-iskema ta’ refuġjati u allura rridu naħdmu magħhom biex dawk li għandna bi dritt għall-ażil inqassmuhom f’pajjiż ieħor.”

Mill-2007, aktar minn 3,200 refuġjat minn Malta ġew rilokati fl-Istati Uniti, b’dan il-programm tal-gvern Amerikan kien twaqqaf mill-amministrazzjoni Trump. Il-Ministru Bartolo hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel aktar mal-Libja f’għajnuna biex tikkontrolla l-fruntieri, mhux biss tal-Mediterran iżda wkoll tas-sub sahara, u bi ġlieda serja lit-traffikanti tan-nies . . . u ma’ pajjiżi oħra fl-Afrika biex nies isibu xogħol u futur f’pajjiżhom stess.