Kultura
Regoli ġodda għall-baned tal-festi

Il-festi Maltin. X’inhuma mingħajr il-baned? L-ewwel baned ħarġu jakkumpanjaw il-festi madwar 150 sena ilu u biex dan il-patrimonju kulturali ma jintilifx l-Għaqda Każini tal-Banda mill-bidu tas-sena d-dieħla se timplimenta r-regoli li joħorġu minn dokument approvat mill-parti l-kbira tas-soċjetajiet membri tagħha.

Minn 88 soċjetà tal-banda f’Malta u Għawdex imsieħba fl-Għaqda Każini tal-Banda, 75 approvaw id-dokument dwar ir-regolamentazzjoni dwar il-baned u l-bandisti. Id-dokument se jibda jiġi implimentat minn Jannar li ġej. Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri elenka d-diffikultajiet li għandhom il-baned Maltin fosthom in-nuqqas ta’ bandisti u l-ħtieġa biex iktar żgħażagħ jitħajru jsiru bandisti biex iżomm għaddejja din il-kultura u t-tradizzjoni tal-festi Maltin.

Dr Camilleri ħeġġeġ lis-soċjetajiet tal-banda u l-bandisti nfushom biex jaħdmu iktar biex itejbu l-komunikazzjoni bejniethom waqt li faħħar l-impenn kbir li jagħmlu l-kumitati tal-baned u anke l-bandisti nfushom.

Dr Noel Camilleri qal “u allura hemm bżonn li nsaħħu din ir-relazzjoni biex kemm jista’ jkun ikun hemm iktar reċiproċità, iktar rispett reċiproku bejniethom u nħajru iktar żgħażagħ jidħlu fil-qasam mużikali u allura fil-qasam bandistiku.”

Mistoqsi dwar kwistjoni meqjusa bħala pjuttost taħraq – dik tat-tariffi li jitħallsu l-bandisti, il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda qal li r-regolamenti se jipprovdu regolamentazzjoni dwar il-ħlas għas-servizzi tal-bandisti. Qal li dan ma jfissirx li se jkun hemm tariffi strutturati, imma li kemm il-bandisti u anke s-soċjetajiet tal-baned ikunu iktar konxji tal-ħlasijiet li jintalbu biex it-tariffi mitluba ikunu f’parametri normali.

Dr Noel Camilleri qal “nibda nisma’ ċerti prezzijiet, ċerti tariffi li huma esaġerati. Kulħadd għandu dritt jitħallas u jkun rikonoxxut ta’ xogħlu, imma b’mod moderat’.

Id-dokument jitkellem dwar struttura tal-ħinijiet tas-servizzi tal-baned u anke r-rotot li jieħdu l-baned waqt il-marċi tal-festa b’Dr Camilleri jgħid li d-dokument innifsu huwa xprun biex il-banda tradizzjonali Maltija ma tintilifx.

Dr Noel Camilleri qal ‘Bħalissa l-Għaqda Każini tal-Banda għaddejja bi proċess biex il-festa Maltija tiġi, issir l-applikazzjoni tagħha biex issir parti mill-inventarju nazzjonali tal-wirt intanġibbli. Jekk din it-talba tiġi milqugħa, u għandha tiġi milqugħa, allura jkun il-pass li jmiss, li l-festa Maltija ssir applikazzjoni mal-UNESCO biex imbagħad issir wirt intanġibbli dinji’.

Il-baned Maltin għandhom storja ta’ madwar 150 sena u fi stħarriġ ikkummisjonat mill-Għaqda Każini tal-Banda, ħareġ li 60% ta’ dawk intervistati jassoċjaw il-kultura mal-festi u s-soċjetajiet tal-banda.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Raġel Malti ta’ 45 sena mill-Ħamrun tilef ħajtu wara li ħa xokk elettriku illum waranofsinhar f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ għall-ħabta tal-16:05 li seħħ f’xatt il-mollijiet. Fuq il-post…

Kultura

L-aġenzija nazzjonali tal-wirt kulturali, Heritage Malta ċaħdet li t-Tempji tal-Imnajdra li huma fil-lista tal-wirt dinji, ser jilqgħu fihom kunċert u party bis-sehem ta’ DJ ta’ fama internazzjonali. Heritage Malta qalet…

Kronaka

Sirjan ta’ 25 sena sofra ġrieħi gravi wara li sofra xi ħruq ikkawżati minn fjamma li ħarġet huwa u jbiddel ċilindru tal-gass. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:20 fi Triq is-Sibbien f’Marsaskala,…

Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Aktar