Politika
Rekord ta’ 41 kandidat se jikkontestaw għall-PE – mhix se ssir elezzjoni fl-Imdina

Meta l-lejla għalaq iż-żmien biex jitressqu n-nomini mill-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, rekord ta’ 41 kandidat se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew.

Għall-Kunsilli Lokali se jikkontestaw total ta’ aktar minn 730 kandidat. Bl-akbar għadd ta’ kandidati l-Partit Laburista, mija aktar mill-Partit Nazzjonalista. Mhix se ssir elezzjoni fl-iżgħar lokalità f’Malta.

Is-sitt rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew se jintgħażlu minn fost 41-il kandidat. Il-Partit Laburista għandu l-akbar għadd ta’ kandidati – erbatax. Warajh il-Partit Nazzjonalista b’għaxar kandidati. Il-Partit Demokratiku se jikkontesta b’erba’ kandidati.

Alternattiva Demokratika, Alleanza Bidla u Moviment Patrijotti Maltin għandhom żewġ kandidati kull wieħed. Hemm seba’ kandidati ta’ partiti oħra jew indipendenti.

Dan hu l-akbar għadd ta’ kandidati li qatt ikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Apparti l-votanti Maltin, fil-każ tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ċittadini minn stati membri fl-Unjoni Ewropea jistgħu jivvutaw hawnhekk għall-kandidati Maltin la darba rreġistraw mal-Kummissjoni Elettorali. Hemm 18,375 li għamlu hekk, l-aktar fosthom Ingliżi bi ftit aktar minn 6,000. Wara l-Ingliżi, l-akbar ammont ta’ barranin li għażlu li jivvutaw f’Malta, għall-kandidati Maltin huma t-Taljani b’aktar minn 4,000; segwiti mill-Bulgari, il-Ġermaniżi u r-Rumeni.

Bis-sistema l-ġdida tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku, ir-riżultat uffiċjali tal-Parlament Ewropew se jkun magħruf il-Ħadd, 26 ta’ Mejju, tard filgħaxija.

Is-Sibt 25 ta’ Mejju, se jsiru wkoll l-elezzjonijijiet tal-Kunsilli Lokali – din id-darba f’kull lokalità f’Malta u Għawdex – 68 b’kollox. F’dawn l-elezzjonijiet iridu jiġu eletti 464 kunsillier. F’dawn l-elezzjonijiet qed jikkontestaw 736 kandidati. Il-Partit Laburista għandu 399 kandidat u l-Partit Nazzjonalista għandu 296 kandidat.

Il-Partit Demokratiku se jikkontesta b’seba’ kandidati u Alternattiva Demokratika b’disa’ kandidati. 25 oħra se jikkontestaw ma’ partiti oħrajn u indipendenti.

L-elezzjonijiet mhumiex se jsiru fl-Imdina għax tefgħu n-nomina tagħhom ħames persuni daqskemm iridu jiġu eletti kunsilliera.

Ċittadini minn stati membri fl-Unjoni Ewropea li huma residenti f’Malta għandhom dritt awtomatiku li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ fejn qed jgħixu. Minn dawn, fir-reġistru elettorali tal-Kunsilli Lokali hemm kważi 80,000.

Għall-ewwel darba, meta mmorru nivvutaw, il-poloz tal-voti se jkollhom ritratt tal-kandidati.

 

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar