COVID-19
Rekord ta’ 78 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta – ifiqu 22 persuna

F’aktar minn 6 xhur kemm ilu l-Covid-19 f’Malta, f’24 siegħa ġew irreġistrati rekord ta’ 78 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta minn fost 2,407 swab test.

B’hekk l-ammont ta’ każijiet ta’ coronavirus f’Malta mindu feġġ f’Marzu sal-lum huwa ta’ 2,352 li minnhom hemm 465 li għadhom attivi.

Fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati wkoll 22 persuna oħra li rkupraw mill-virus biex issa l-ammont ta’ persuni li fiequ mill-Covid-19 f’Malta huwa ta’ 1,872.

Fir-rendikont tal-każijiet il-ġodda, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li mit-78 każ ġdid, 24 minnhom, huma carers u residenti fid-Dar San Ġużepp tal-Fgura. Il-bqija għadhom qed jiġu nvestigati.

Mis-27 każ tal-bieraħ, ħamsa kienu qraba ta’ persuni li kien magħruf li għandhom il-Covid-19, tnejn oħra kollegi minn fuq post tax-xogħol, każ ieħor huwa kuntatt dirett ta’ persuna bil-coronavirus, każ ieħor minn attività socjali fejn kien hemm każijiet pożittivi u tmien każijiet oħra minn Dar San Ġużepp.

B’hekk minn nhar il-Ġimgħa ‘l hawn f’Dar San Ġużepp biss, ġew reġistrati 64 każ pożittiv ta’ coronavirus: 32 każ il-Ġimgħa, 8 każi s-Sibt u 24 każ illum il-Ħadd.

Qabel illum l-ogħla ammont ta’ każijiet ġodda li ġew irreġistrati kien ta’ 72 fil-15 ta’ Awwissu li għadda.

Ara wkoll:

Care Malta ssaħħaħ il-miżuri ta’ prevenzjoni biex tipproteġi lir-residenti anzjani