Politika
Rekord ta’ €74 miljun ivvutati għal Għawdex – Il-Ministru Camilleri

ll-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li għas-sena d-dieħla hemm ivvutati rekord ta’ fondi għal Għawdex li jammontaw għal €74 miljun.

“Dan lilna bħala Ministeru jimliena b’kuraġġ biex inkomplu bl-aġenda infrastrutturali tagħne fejn jidħlu rikostruzzjoni ta’ toroq, fejn jidħlu proġetti għall-benefiċċju tal-Għawdxin u ta’ dawk kollha li jżuruna imma aktar minn hekk jinċentivana biex inkomplu naħdmu biex noffru aktar finanzi, aktar skemi, noffru aktar inizjattivi biex inkomplu noħolqu x-xogħol f’Għawdex stess.”

Il-Ministru Clint Camilleri qal li konnettività aħjar bejn il-gżejjer tibqa’ fuq quddiem fl-aġenda tal-Ministeru. Qal li issa wasal iż-żmien li jintgħażel min se jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-mina li qal se toffri ħafna vantaġġi lill-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu kuljum għax-xogħol. Żied jgħid li l-gvern irid li l-flotta tal-Gozo Channel ikollha r-raba’ vapur b’mod permanenti u jibda jopera s-servizz tal-fast ferry bejn Għawdex u l-Port il-Kbir.

Il-Ministru Camilleri qal li x-xogħol fuq it-tieni fibre optic cable huwa lest u se jibda jopera fil-ġimgħat li ġejjin. Wera l-fehma li dan għandu jattira investiment ġdid lejn Għawdex fosthom fl-oqsma tal-gaming u l-innovazzjoni.

Il-Perit Camilleri qal li s-sena d-dieħla se jibdew ix-xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq prinċipali fosthom dawk li mir-Rabat u x-Xagħra jwasslu lejn Marsalforn.

Il-Ministru Camilleri qal li l-bini taċ-ċentru akkwatiku fir-Rabat se jibda l-Ħadd li ġej u se jitlesta s-sena d-dieħla ħalli fost oħrajn ikun attirat it-turiżmu sportiv lejn Għawdex.