Droga
Releaf jipproponi li l-pulizija jġorru miżien biex jiżnu l-kannabis

Releaf Malta qed jipproponi li l-pulizija jġorru apparat biex jekk persuna tinqabad bil-kannabis, speċjalment waqt xi road block, ikunu jistgħu jiżnuha fuq il-post u mhux joqogħdu jeħduha l-għassa.

Din hija waħda mill-proposti li qed tagħmel din l-għaqda li hija favur l-proposta tal-Gvern biex tiġi riformata l-liġi tal-kannabis.

Releaf Malta qed jipproponi li persuni li kellhom każijiet il-Qorti relatati mal-kannabis, u ma kienx hemm vjolenza jew reati gravi, ikollhom l-istess opportunità li jkunu parti mir-riforma.

Huwa nsista li ħafna mill-każijiet kienu ta’ sharing li l-Pulizija interpretatha bħala traffikar.

Releaf qed jissuġġerixxi wkoll li l-awtorità responsabbli tikkunsidra li tipprovdi faċilitajiet biex l-għaqdiet jittestjaw il-prodotti tagħhom.

Huwa rrefera għall-proposta ta’ mhux aktar minn 50 gramma ta’ bħala waħda mhux realistika u qal li dan joħloq riskju li aktar nies jispiċċaw fil-Qorti. Għalhekk qed jipproponi bejn 50 u 300 gramma niexfa.

Proposta oħra tar-Releaf hija li l-organizzazzjonijiet tal-kannabis li se jkunu qed jaqgħu taħt l-att li jirregola l-għaqdiet volontarji ma jkollhomx bżonn ta’ fond imma tkun l-awtorità nnifisha li flimkien mal-għaqda tiftiehem kif se tkun amministrata l-istess għaqda.

Dwar il-kontenituri bil-marka u ssiġillati Releaf qed jipproponi li jkun hemm kunsiderazzjonijiet għal spejjeż mhux xierqa, speċjalment għal  għaqdiet żgħar.

Releaf sostna wkoll li l-proposta ta’ mhux aktar minn 500 gramma ta’ kannabis imnixxef f’post bħala numru żbilanċjat, jekk wieħed jikkunsidra li kull għaqda jista’ jkollha sa 500 membru u jistgħu jieħdu sa 7 grammi kulju, u għalhekk qed jipproponi li dan in-numru jkun proporzjonat għan-numru reġistrati.

Dwar l-20 żerriegħa kull xahar qed jipproponi li ma’ din il-parti tal-liġi kif proposta tiżdied il-possibilità li l-għaqda tipprovdi sa massimu ta’ 4 cuttings (pjanti żgħar fl-ewwel stadju ta’ kultivazzjoni) lill-membri tagħha.

Fi tmiem ir-reazjoni tiegħu Releaf insista li r-riforma se tkun katalista biex is-soċjetà Maltija tkun anqas diviżiva u aktar inklussiva.

Huwa żied li l-liġi proposta se tindirizza wkoll il-ġungla kriminali li ninsabu fiha u tagħti ll dawk l-adulti li jixtiequ jużawha b’mod responsabbli biex jagħmlu dan mingħajr biża’.