Renzo Piano jitħallas €7.7 miljun għall-proġett tal-Parlament u d-daħla tal-Belt

Il-gvern se jwettaq il-proġett ta’ tisbiħ tal-foss taħt id-daħla tal-Belt u tal-pjazza madwar il-funtana tat-Tritoni. Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi, żvela li l-uffiċċju tal-Perit Renzo Piano aċċetta li jagħti pariri bla ħlas fid-disinn ta’ dawn il-proġetti. Intant, il-kont finali tal-ħlas lil Renzo Piano għall-Parlament u d-daħla tal-Belt qabeż minn €7 miljuni.

FOSS VALLETTAKważi sena wara l-inawgurazzjoni tal-Parlament il-ġdid il-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir tinsab impenjata biex din is-sena tagħti bidu għax-xogħol tat-tisbiħ tal-foss taħt id-daħla tal-Belt. Fil-programm DISSETT, iċ-chairman tal-korporazzjoni, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li kien hemm bidla fil-ħsieb mid-disinn oriġinali kif imfassal xi snin ilu mill-uffiċċju tal-perit ta’ fama mondjali, Renzo Piano.

FOSS VALLETTA 2Fil-ħsieb oriġinali kien li l-foss kollu jkun ġnien. Dr Zrinzo Azzopardi spjega li filwaqt li l-parti taħt il-pont tad-daħla għall-kapitali se jkun ġnien, b’lift li jgħaqqad il-foss ma’ Pjazza Helsien, it-truf tal-foss se jkun użat bħala parkeġġ għall-vetturi.

“Iż-żewġ naħat fl-estremi tad-ditch, waħda minnhom diġa qed tintuża bħala parkeġġ li jesa’ mingħalija xi 100 karozza u n-naħa l-oħra naf li hemm il-proposta min-naha tal-Kunsill kif jiġi żviluppat u naf li hemm issues ta’ planning. Però l-idea hi li meta inti tidhol u tohrog mill-belt inti għaddej minn fuq ġnien. U nahseb li dan il-kunċett iwieġeb għall-concern tan-nies li ma xtaqux li hemmhekk jerġgħu jarawh parkeġġ bħal dari,” spjega Dr Stefan Zrinzo Azzopardi.

zona funtana tritoniIċ-chairman tal-korporazzjoni qal li d-disinni għat-tisbiħ tal-foss u tal-pjazza madwar il-funtanta tat-Tritoni qed isiru minn periti Maltin b’ħidma flimkien bejn il-korporazzjoni u d-direttorat tar-restawr. Qal li d-disinni qed jiġu finalizzati u l-uffiċċju ta’ Renzo Piano qed jiġi kkonsultat biex ikunu nklużi ċerti elementi diskussi bejn iż-żewġ naħat.

“L-ufficcju ta’ Piano aċċetta li jibqa’ jagħtina pariri senza interessi għax huma dejjem qalulna li xtaqu jaraw dan il-proġett kif kienu ħasbuh però bl-involviment ta’ periti Maltin jitlesta,” kompla Zrinzo Azzopardi.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li għall-proġett tal-Parlament u d-daħla tal-Belt l-uffiċċju ta’ Renzo Piano se jkun tħallas €7,740,000. Qal li fin-negozjati għall-pagament finali, il-korporazzjoni rat li l-uffiċċju ta’ Piano jinżamm responsabbli għax-xoghlijiet minkejja li rnexxielha tnaqqas bin-nofs talbiet għal ħlasijiet addizzjonali.

“Kienu talbu xi €1.2 miljun aktar u mbagħad aħna konna wasalna għal xi settlement ta’ €500,000 – €600,000,” żied Zrinzo Azzopardi.

Intant, fl-istess programm sar magħruf li awtorita’ oħra tal-gvern se tibbaża ruħha fi Smart City.

“Fl-aħħar sigħat intlaħaq qbil biex l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu toħroġ mill-Berġa tal-Italja, tmur fi Smart City u nkomplu għaddejjin u ngħaġġlu x-xogħol fuq il-mużew tal-arti state of the art il-ġdid li jrid jinfetaħ fit-tieni kwart tal-2018, mhux aktar bħala mużew tal-arti nazzjonali imma l-MUŻA,” qal iċ-Chairman tal-V18, Jason Micallef.

Bħalissa diġà beda r-restawr tal-faċċata tal-Berġa tal-Italja fejn hemm l-uffuċini tal-Awtorità tat-Turiżmu.