Politika
Repubblika tgħaddi ittra lill-PL u titolbu jkeċċi lil Joseph Muscat

L-għaqda Repubblika għaddiet lill-Partit Laburista ittra li fiha talbitu b’mod uffiċjali biex ikeċċi lill-eks-Prim Ministru Joseph Muscat.

Huwa u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-President tal-għaqda Robert Aquilina qal li l-għaqda bagħtet ittra lill-President tal-PL u fiha talbet li l-PL jerfa’ u jieħu responsabbiltà għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Aquilina qal li l-Partit Laburista għandu jieħu passi biex Joseph Muscat jitkeċċa mill-partit minħabba dak li seħħ meta kien Mexxej Laburista.

Il-President tal-għaqda qal li mill-eżitu tal-inkjesta pubblika jirriżulta li l-Kabinet ħoloq sistema ta’ impunità li wasslet għad-delitt ta’ Caruana Galizia.

Dr Aquilina qal ukoll li l-futur tal-pajjiż jiddependi minn dak li se jiġri fil-jiem li ġejjin.