Politika
Repubblika tgħid li Daphne Caruana Galizia nqatlet minn qarnita mafjuża li ħatfet il-pajjiż

Il-President tal-għaqda Repubblika Dr Robert Aquilina qal li Daphne Caruana Galizia nqatlet minn qarnita mafjuża li ħatfet il-pajjiż.

Huwa u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament f’għeluq ir-raba’ sena mill-qtil tagħha Dr Aquilina qal li Caruana Galizia nqatlet għax rifset il-kallijiet ta’ nies li għamlu ‘l pajjiż tagħhom u ma ddejqux joqtluha għall-interessi egoistiċi u korrotti tagħhom.

Il-President tal-għaqda spjega li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom ma ressqu ‘l ħadd fil-Qorti biex iwieġeb għall-korruzzjoni li kitbet dwarhom Caruana Galizia.

Huwa sostna wkoll li  wara xahrejn u nofs li rċieva l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista l-Prim Ministru Robert Abela għadu m’għamel xejn.

Fil-konferenza tkellmet ukoll Orsetta Spinola mill-Organizzazzjoni Libera li taħdem kontra l-kriminalità organizzata fejn qalet li Malta għandha bżonn liġi b’saħħitha biex tassigura li taqbad nies kriminali fosthom dawk li jkunu fil-poter.

Hija sostniet li l-liġi għandha tippermetti li jkunu analizzati l-assi tagħhom u żiedet li l-Italja għandha din il-liġi fost kollaborazzjoni ma’ pajjizi Ewropej, kif tixtieq il-Kummissjoni Ewropea, ħalli tkun eliminata l-kriminalità organizzata.

Fil-konferenza tħabbar ukoll li s-Sibt filgħaxija ser issir velja quddiem il-Qorti fil-Belt fejn se jsiru indirizzi minn diversi personalitajiet fosthom is-Senatur Taljan Sandro Ruotolo u l-ġurnalist Mattia Motta li jridu ġurnaliżmu ħieles u protett.