Lokali
Repubblika tgħid li l-Ministru Zammit Lewis għandu jitkeċċa mill-kariga

L-Għaqda Repubblika qalet li l-Prim Ministru Robert Abela missu ilu li keċċa lil Edward Zammit Lewis minn Ministru tal-Ġustizzja minħabba li qalet baqa’ f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech anki wara li sar magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-President tal-għaqda, Robert Aquilina, qal li Repubblika mhux se taċċetta dak li sejħet deċiżjonijiet “nofs kedda” mill-Prim Ministru u tenniet it-talba biex ikeċċi lil Dr Zammit Lewis minn Ministru tal-Ġustizzja.

Irrimarka li l-għaqda mhi se tħalli lil ħadd jgħaddi ż-żmien biha u qal li l-futur ta’ Malta jiddependi fuq id-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru.