Lokali
Repubblika titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Cutajar wara li qassmet larinġ f’Dar tal-Anzjani

Il-President tal-Għaqda Repubblika Dr Robert Aquilina ippreżenta denunzja lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa li fiha infurmah formalment li l-membru parlamentari Rosianne Cutajar tellgħet post fuq Facebook li fih qalet li kienet żaret ir-residenza tal-anzjani Smartcare Dar Pinto f’Ħal Qormi u fir-ritratti dehret qed tqassam boroż tal-plastik b’larinġ. Dr Aquilina qal li hu ċar li dan it-tqassim ta’ ikel sar bi ksur tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u għalhekk Repubblika talbet formalment lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil Rosianne Cutajar.

Repubblika qalet li tistenna li l-istituzzjonijiet tal-Istat inkarigati biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jirregolaw il-klijenteliżmu, il-politika tranżazzjonali u abbużi oħra fil-proċess demokratiku, jieħdu azzjoni deċisiva u f’waqtha biex tali prattiċi illegali jinqatgħu darba għal dejjem.

Sostniet li l-inazzjoni li kien hawn matul is-snin hi waħda mir-raġunijiet għaliex il-korruzzjoni hi aċċettata b’mod mifrux ħafna fis-sistema elettorali tagħna. Repubblika qalet li min iwettaqha għandu ċertezza li se jgawdi minn impunita’ sħiħa. L-ittra tad-denunzja temmet tgħid li tistenna konferma mingħand il-Kummissarju Gafa li beda din l-investigazzjoni kriminali.

B’reazzjoni d-deputat Rosianne Cutajr qalet li d-denunzja fil-konfront tagħha għax ħadet magħha ftit larinġ għar-residenti, hija parti minn kampanji sistematiċi ta’ assassinju tal-karattru kontriha.

Qalet li l-argument li qed jagħmlu tar-Repubblika cioè li persuna tinxtara b’larinġa, jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu.

Cutajar qalet li dan ma kien xejn għajr ġest żgħir ħafna li ġie apprezzat kemm mill-anzjani infushom kif ukoll mid-diriġenti tal-istess dar.