Barranin
Reshuffle fil-Kabinett Ingliż – il-kanċillier jirriżenja minn rajh

Reshuffle mhux mistenni mill-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, li ra wieħed mill-ministri ewlenin u alleat tiegħu; Sajid Javid, jirriżenja wara li ma aċċettax li jneħħi lill-konsulenti tiegħu kif riedu jagħmel Johnson.

Tibdil sostanzjali fl-iktar karigi importanti fil-kabinett tal-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson. Il-kanċillier Sajid Javid tilef postu, u minfloku fil-ministeru tal-finanzi issa nħatar Rishi Sunak, li kien wieħed mid-deputati li appoġġaw lil Johnson biex isir Prim Ministru u sa ftit ilu kien l-assistent ta’ Sajid Javid.

“Delighted to be appointed, lots to get on with, thank you very much,” qal Rishi Sunak.

Tneħħa wkoll Julian Smith minn Ministru responsasbbli mill-Irlanda ta’ Fuq. Tilfu posthom ukoll l-Avukat Ġenerali Geoffrey Cox u tliet ministri nisa; Andrea Leadsom minn Ministru tal-Kummerċ, Ester McVey minn Ministru tal-Housing u l-Ministru tal-Ambjent Theresa Villiers.

Boris Johnson huwa mifhum li ried idaħħal nies ġodda u fl-istess ħin jippremja dawk li ħadmu biex jirbaħ l-elezzjoni f’Diċembru li għadda.

Wieħed mill-Ministri ewlenin fil-kabinett ta’ Johnson, Michael Gove, żamm postu. Żammet postha wkoll Liz Truss bħala Segretarju għall-Istat u l-Kummerċ Internazzjonali, u żdidulha wkoll ir-responsabbilatjiet għad-drittijiet ugwali. Ministri ewlenin oħra li baqgħu f’posthom kienu Priti Patel li żamm l-Intern u Dominic Raab li baqa’ responsabbli mill-Affarijiet Barranin.