Infrastruttura
Residenti bi protest ġudizzjarju kontra l-bini ta’ pompa tal-petrol f’Marsaskala

Familja ressqet protest ġudizzjarju kontra l-bini ta’ pompa tal-petrol bejn Triq Zafran u Triq Sant Antnin f’Marsaskala. Il-pompa hija pjanata li tinbena faċċata tal-impjant tal-Wasterserv u l-park tal-familja.

Il-familja Abela qed titlob lill-Qorti twaqqaf l-iżviluppaturi milli jibnu din il-pompa, bil-proġett li għalih intalbet estensjoni, u jinkludi wkoll ħanut, uffiċċji, garaxxijiet, car wash u parkeġġ.

Fil-protest il-familja qalet li l-pompa tal-petrol se tkun qed tinbena biswit ir-residenza tagħhom, b’konsegwenza li se jkollha impatt negattiv fuq is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Żiedet tgħid li dan se jkun qed inaqqar mit-tgawdija tal-proprjetà tagħhom bħala residenza primarja u jbaxxilhom il-valur tal-proprjetà.

Iktar kmieni, residenti oħrajn kienu diġà ffirmaw petizzjoni kontra l-bini ta’ din il-pompa.

Il-protest kien iffirmat mill-Avukati Natalino Caruana De Brincat u Melhino Mercieca.