Residenti jilmentaw minn appartamenti ta’ ġirien miżgħuda bil-barranin

Is-Suġġett tal-immigrazzjoni irregolari jqanqal emozzjonijiet varji. Min jaqbel mal-għajnuna li tingħata, filwaqt li oħrajn le. Biss, x’jista’ jsir biex l-immigrazzjoni irregolari tiġi ikkontrollata aħjar sabiex toħloq inqas inkonvenjent fuq iċ-ċittadin Malti?

Fost opinjonijiet varji, Paul Salomone, kap tal-Partit Popolari tkellem fuq problemi kawżati minn postijiet ta’ akkomodazzjoni li qed jiġu abitati minn ammont eċċessiv ta’ persuni. Tenna li dan il-fatt qed joħloq inkonvenjent fuq il-persuni li stinkaw u ħadmu biex jinvestu fil-proprjetà li tinsab biswit, fuq jew taħt dawn l-akkomodazzjonijiet. Minn naħa l-oħra l-Avukat Desiree Attard qalet li wieħed ma jistax jakkuża lill-immigrant, it-tort huwa tar-regħba li għandhom il-persuni li jikru l-proprjetajiet tagħhom għaliex qegħdin jabbużaw mill-immigranti meta jikru post maħsub għal erba’ persuni lil ħmistax-il persuna biex jakkwistaw lira żejda.

Josef Caruana, opinjonist tenna li ħafna mid-drabi nisimgħu biss l-opinjoni taż-żewġ estremi meta jiġi diskuss dan is-suġġett. Dawk li jridu jiftħu l-bibien lil kull immigrant u dawk li jridu jitfgħu lil kulħadd il-barra. Huwa għalhekk li l-poplu jiġi ġġudikat b’keffa waħda. Caruana enfasizza l-bżonn li jsir iktar infurzar f’kull settur kemm mal-barrani kif ukoll mal-Maltin, għaliex permezz ta’ iktar ordni l-inkonvenjenzi jonqsu drastikament.