Infrastruttura
Residenti jipprotestaw għat-tqaċċit ta’ żewġ siġriet f’Ħ’Attard – L-ERA tispjega għalfejn tat permess

Residenti f’Ħ’Attard ilbieraħ ipprotestaw ma’ Infrastructure Malta biex ma tkomplix għaddejja bit-tqaċċit ta’ żewġ siġriet tal-ficus kbar fi Triq in-Nutar Zarb, bl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tgħid li t-tneħħija tas-siġriet hija neċessarja biex isiru x-xogħlijiet fit-triq.

Fi stqarrija l-ERA spjegat li rċeviet talba għal tibdil fil-permess għall-proġett Central Link, liema tibdil kien jinkludi t-tneħħija ta’ żewġ siġriet f’din it-triq.

L-ERA qalet li Infrastructure Malta ressqet pariri tal-esperti li qalu li s-siġar ma jistgħux jinqalgħu u jitħawlu band’oħra minħabba li l-għeruq huma maqbuda madwar is-servizzi u se ssirilhom ħsara irreparabbli meta jinqalgħu.

Żiedet li talbet lil Infrastructure Malta biex tipproponi pjanti differenti biex ikun evitat li jinqalgħu s-siġar, iżda Infrastructure Malta infurmatha li dan ma kienx possibbli għax is-siġar iridu jitneħħew għall-fini ta’ sigurtà. L-ERA qalet li għalhekk tat il-permess għat-tqaċċit tas-siġar.

Fl-istess waqt residenti f’din it-triq qed jilmentaw minn riskju għal inċidenti peress li fil-proġett il-bankina djieqet, b’konsegwenza li se tkun iktar diffiċli li joħorġu minn darhom f’minkeb ta’ triq arterjali.