Ippjanar u bini
Residenti u studenti jingħaqdu biex jagħtu bixra ġdida l-qasam tad-djar ta’ Ħal Mula

Iż-żona ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ ser tgħaddi minn programm ta’ riġenerazzjoni wara li ser jitfassal pjan bl-għajnuna ta’ studenti tal-Università. Il-pjan ser ikun quddiem l-Awtorità tad-Djar sal-aħħar ta’ Ġunju.

FL-Università ta’ Malta, l-Awtorità tad-Djar u l-Kunsill Lokali, flimkien mar-residenti, ngħaqdu biex tkun analizzata l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti u anke jkunu identifikati l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ dawk li jgħixu f’din iż-żona.

Minn din l-analiżi ser jitħejja masterplan biex l-inizjattivi elenkati jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti billi jinħolqu soluzzjonijiet innovattivi li jrawmu ambjent sostenibbli. L-istudenti tat-tielet sena tal-Università mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni qattgħu sigħat twal josservaw il-ħajja f’Ħal Mula u anke jitkellmu mar-residenti biex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li dan huwa proġett pilota biex ikun imsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u anke d-disinn li fih jixtiequ jgħixu r-residenti. Il-pjan ser jidentifika postijiet miftuħa fl-oqsma tad-djar tal-Gvern biex l-ambjent ġenerali f’Ħal Mula jkun wieħed li jgħolli l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, permezz anke ta’ veġetazzjoni, biex jinħoloq ambjent aħdar u li jippermetti integrazzjoni sħiħa.

“Flimkien mal-Univeristà ta’ Malta u l-Kunsill lokali ser inkunu qed nagħtu dehra aħjar lil din iż-żona, prattikament analiżi mhux biss xjentifika u anke għajnuna flimkien mar-residenti biex infasslu pjan konkret ta’ kif nistgħu nutilizzaw aħjar l-ispazji li hemm madwar iż-żona u anke ndaħħlu element ta’ ambjent aħjar f’oqsma bħal dawn li huwa importanti wkoll għal pajjiżna,” fisser il-Ministru.

Il-Ministru Galdes qal li fl-aħħar snin aktar minn 2,000 familja li jgħixu fl-oqsma ta’ akkomodazzjoni tal-Gvern ibbenefikaw minn programm ta’ tisbiħ u manutenzjoni fl-oqsma tal-Gvern.