Lokali
Restawr fuq il-pitturi tas-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Granmastru

Il-pitturi tas-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Granmastru l-Belt għaddejjin minn proċess estensiv ta’ restawr li qed isir b’donazzjoni ta’ €75,000  mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dawn il-pitturi li jżejnu din is-sala huma xogħol l-artist Taljan Matteo Perez d’Aleccio.

Lura fl-1577, il-pittur Taljan Matteo Perez d’Aleccio kien mistieden Malta biex ipinġi l-Assedju l-Kbir fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Granmastru l-Belt. D’Aleccio kien issejjaħ Malta mill-Gran Mastru Jean de la Cassiere u pinġa l-Assedju l-Kbir tal-1565 fi 12-il episodju. Ir-restawr ta’ dawn il-pitturi qed isir b’donazzjoni ta’ €75,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni, il-Professur Joann Cassar, qalet li dan ix-xogħol beda lejn l-aħħar tas-sena 2018 mill-istudenti tal-Masters fil-Konservazzjoni ta’ Pitturi fuq il-Ħajt.

“Xogħol kbir ta’ studju fl-arkivji. Minn xiex għaddiet din il-kamra, fi żmien il-gwerra, fi żmien l-Ingliżi li nbidlet ħafna u ma kienet tidher xejn kif inhi issa u wkoll ir-restawri għax matul iż-żmien, wara l-gwerra, wara l-Ingliżi, kienu saru ħafna restawri. Ġibna ħafna informazzjoni ta’ fejn irid jitnaddaf, fejn irid jiġi tissaħħaħ il-pittura.”

Il-Professur Cassar spjegat li dan il-proċess ta’ restawr fuq il-pitturi li juru l-Assedju l-Kbir qed isir ukoll bl-għajnuna ta’ Heritage Malta. Qalet li l-proċess ta’ restawr jikkonsisti issa fil-konsolidament u tindif tal-pitturi.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Jose’ Herrera qal li l-Palazz tal-Granmastru fil-Belt għaddej minn proċess estensiv ta’ restawr u l-pitturi ta’ Aleccio huma parti minn dan.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-konservazzjoni kulturali hi parti sħiħa mill-ippjanar ta’ dan il-gvern.