Lokali
Restawr jikxef il-pedamenti ta’ kappella medjevali fil-Qrendi

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi ħa aktar żmien milli ppjanat minħabba li x-xogħol kixef ħafna mill-passat ta’ din il-kappella u mhux biss. L-akbar soperta kienu l-pedamenti ta’ dik li kienet knisja medjevali li kienet inħattet fis-seklu sbatax biex tinbena knisja akbar għall-komunità fl-inħawi.

Ir-restawr li għadddej bħalissa fil-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi kixef il-pedamenti ta’ kappella medjevali, li kienet inħattet biex minflokha fl-1650 nbniet il-Knisja li hemm illum.

Il-perit responsabbli mix-xogħlijiet ta’ restawr, Ivana Farrugia, spjegat li l-pedamenti nstabu meta tneħħa l-madum li kellu ħsara kbira minħabba l-umdità għax kien tpoġġa direttament fuq il-ħamrija.

“U aħna u nneħħu l-ħamrija bdew jitfaċċaw ġebel li kienu jidhru li huma alinjati ma’ xulxin u alllura konxji tal-fatt li seta’ kellhom valur storiku daħħalna mal-ewwel is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali u minn hemm ix-xogħol fuq l-art kompla bħala skav arkeoloġiku.”

Kevin Borda, mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali qal li s’issa mhux magħruf eżatt meta kienet inbniet din il-kappella Medjevali. Qal li tixbah ħafna lil dik ta’ Ħal Millieri li tinsab inqas minn kilometru ‘l bogħod.

“Anke meta tqabbel il-pjanta t’hawnhekk mal-pjanta tagħha hija identika u anke jekk dħalt għandha l-istess bankijiet tal-ġebel bejn l-arkati jiġifieri hija identika għalihom.”

Żied jgħid li dan l-iskav ikkonferma dokumentazzjoni li tgħid li fl-inħawi kien hemm kappella oħra, iżgħar, li kienet twaqqgħet biex inbniet oħra ġdida.

Interessanti li din il-kappella għandha orjentazzjoni differenti minn dik tal-knisja għaliex tħares lejn il-punent, kif kienet it-tradizzjoni Nisranija.

“Dawn il-fdalijiet qed juruna wkoll il-metidoloġija ta’ kif kienu jinbnew dawn il-kappelli. Għaldaqstant bdejna naraw li l-arkati qegħdin mibnija fuq il-blat għax dawk huma l-elementi arkitettoniċi l-iktar importanti. Imma mbagħad min-naħa l-oħra konna sorpriżi li l-ħitan mibnija fuq il-ħamrija u għaldaqstant nibdew nifhmu meta fil-visti pastorali differenti jissemma’ li l-kappelli kienu fi stat ħażin ta’ konservazzjoni li jista’ jorbot ma’ dan il-fatt jiġifieri.”

Is-Sur Borda ġibed l-attenzjoni li parti minn din il-kappella hija mibnija fuq saf b’sinjali ta’ ħruq sostanzjali ġo fih u nstab ukoll xi fuħħar antik li se jiġi studjat.

Id-Direttorat tar-Restawr għamel stħarriġ dettaljat tal-fdalijiet li nstabu u bħalissa qed isir proċess ta’ konsolidazzjoni tagħhom. L-iskav arkeoloġiku se jerġa’ jitgħatta b’materjal apposta li tgħaddi l-arja minnu u jipproteġi l-fdalijiet.

“Biex nuru lill-viżitatur li taħt l-art li hu miexi fuqha hemm il-fdalijiet ta’ kappella eqdem – ta’ kappella medjevali – ħa nagħmlu linja irqiqa tul l-art li turi eżatt il-perimetru ta’ din il-kappella.”

Għall-perit Farrugia dan is-sit kien rikk b’għadd ta’ sorpriżi għaliex ix-xogħlijiet kixfu wkoll il-polikromija oriġinali tal-knisja kif ukoll tal-istatwi li jżejnu l-faċċata. Mal-koppla nstabet illużjoni viżiva. Miżbugħa nstabu numru ta’ pilastri b’għadd ta’ dettalji ta’ lavur u anke dellijiet – b’kull min ikun qed iħares lejn il-koppla minn isfel u jħares ‘il fuq jaħseb li hemm pilastri arkittetoniċi mqabbżin ‘il barra.