Lokali
Restawr tal-Ġnien tal-Mall fil-Furjana b’investiment ta’ €4m

B’investiment ta’ €4.2 miljun, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir bdiet il-proġett ta’ restawr tal-Ġnien tal-Mall fil-Floriana, li jinkludi fih 7,500 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid. Il-Ministru għall-Infrastuttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-proġett li se jitlesta fi żmien sena, se jagħti spazju modern u aċċessibbli kemm għar-residenti u anki għall-pubbliku inġenerali.

Il-ġnien tal-Mall fil-Floriana, li għandu storja li tmur lura għas-seklu sbatax minn żmien il-Gran Mastru Lascaris, għaddej minn proġett massiv ta’ restawr bil-ħsieb li l-proġett jikkumplimenta xogħol ieħor fil-Belt Valletta b’tul ta’ aktar minn kilometru sa Pjazza San Ġorġ.

Il-Ministru għall-Infrastuttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-ġnien tal-Mall li huwa sit importanti kemm għall-Furjaniżi u anki għall-pubbliku. Huwa qal li se jsir investiment ta’ erba’ miljuni u mitejn elf ewro , fosthom biex jiġi attrezzat b’għamara ġdida bħal bankijiet u anki sistema ta’ dwal ġodda u sebat elef u ħames mitt metru kwadru ta’ pavimentar ġdid. Il-Ministru Borg qal li fil-passat il-ġnien li kien inħoloq għar-rikreazzjoni tal-Kavallieri, kien imdawwar b’ħajt għoli biex jitgawda minnhom biss, iżda issa dan il-ġnien qed isir biex jitgawda minn kulħadd.

“L-intervent iħares li inti ma tkunx miexi u tara pavimentar mod, mill-Furjana timxi sa Pjazza San Ġorg, parks, ġonna, u qed nintervjenu biex ikollna l-istess pavimentar”.

Iċ-Chairman tal-GHRC Anthony Agius Decelis appella lill-pubbliku biex dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni li qed isiru biex il-poplu jkollu aċċess għalihom biex jistrieħ u jirrikrea ruħu mal-familja, ma jagħmilx atti vandali fihom. Qal li se jiġu rrestawrati wkoll il-monumenti kollha li għandu l-ġnien, ilkoll ta’ mportanza nazzjonali, u se ssir funtana ġdida.

Is-Sindku tal-Floriana Davinia Sammut Hili qalet li għal snin twal il-Furjaniżi talbu biex il-ġnien li ma kienx qed jinxtegħel sew bil-lejl jiġi rranġat biex igawduh iżda fl-istess ħin iħossuhom ukoll siguri. Fil-ġnien se jitwaħħlu kameras tas-sigurta’ bil-filmati jkunu segwiti mill-pulizija.

Gino Cauchi, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni qal li bħalissa qed issir ħidma mhux biss fil-Belt Valletta iżda wkoll fi bliet oħra li jmissu mal-Port il-Kbir.

“Qegħdin naraw biex nagħmlu l-promenade tal-Imsida u Pieta’, għandna wkoll il-proġett tal-Magħluq ta’ M’Xlokk fejn se jibda x-xogħol hemm.”

Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jtejbu d-dehra taz-zona ta’ madwar il-port il-kbir. Fost l-oħrajn fis-snin li għaddew sar tisbieħ fid-daħla tal-Belt Valletta bil-proġetti fl-inħawi ta’ City Gate, Pjazza Tritoni, il-Biskuttin u Ġnien l-Argotti.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar