Lokali
Restawrat il-kwadru inkurunat tal-Madonna tal-Karmnu meqjum fis-Santwarju Bażilika fil-Belt

Id-devoti tal-Madonna tal-Karmnu llum reġgħu raw il-kwadru inkurunat tal-Madonna tal-Karmnu f’postu fis-Santwarju Bażilika fil-Belt. Dan wara li għamel sena u nofs nieqes sakemm fuqu saru interventi ta’ restawr u konservazzjoni.

Wara sena u nofs nieqes mis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt, lura f’postu l-kwadru inkurunat tal-Madonna tal-Karmnu li ġie restawrat.

Il-Pirjol, Patri Alex Scerri, spjega li hu maħsub li dan il-kwadru nġieb mill-Karmelitani meta ġew minn Sqallija 600 sena ilu. Mhux magħruf min pitter il-kwadru li juri wkoll id-dehra tal-laptu tal-1251 lill-qaddis Karmelitan San Xmun Stock u lill-erwieħ tal-purgatorju għax il-Madonna tal-Karmnu hija l-padruna tal-purgatorju – il-post fejn il-Kattoliċi jemmnu li l-erwieħ jissaffew qabel imorru għall-ħajja eterna ma’ Alla.

Patri Alex Scerri żied jgħid li dan il-kwadru jimmarka l-bidu tad-devozjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu f’Malta kif ukoll l-ewwel xbieha li ġiet inkurunata f’Malta. L-inkurunazzjoni seħħet fl-1881 mill-Arċisqof Carmelo Scicluna wara digriet maħruġ mill-Vatikan fi żmien il-Papa Ljun XIII.

“Tant u tant nies jiġu biex jitolbu quddiem din ix-xbieha, imsejħa wkoll mirakoluża għax taqla ħafna grazzji sintendi mhux it-tila imma Ommna Marija li qiegħda fis-sema, li tinqeda wkoll permezz tal-istatwi u permezz tal-pitturi biex twassal dejjem il-grazzji ta’ binha Ġesù u xxerridhom fuqna.”

Ir-restawr sar mill-kumpanija ReCoop. Patri Alex Scerri stqarr li qabel ingħata bidu għall-konservazzjoni, spiss kienu jibżgħu li dan il-kwadru storiku kien se jintilef.

Paul Muscat minn ReCoop, qal lil TVM li r-restawr fuq il-kwadru inkurunat tal-Madonna tal-Karmnu, offra sfida kbira għaliex it-tila kienet bdiet titmewweġ minħabba intervent li sar fuq fis-sebgħinijiet meta ntużat teknika li nkludiet kolla u ġibs li għamlet ħafna ħsara lix-xbieha.

ReCoop naddfet dak l-intervent u saret struttura ġdida lill-kwadru minbarra li rtokkat iż-żebgħa fejn kien meħtieġ. Għamlet ukoll tilar ġdid biex fuqu tinġibed it-tila u sistema li ma tħallix tibdil fl-ambjent jaffettwa t-tila.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar