Lokali
Jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Katarina f’Tad-Daħla b’kappella restawrata

Il-festi titulari fl-istaġun sajfi ġew iċċelebrati kollha. Iżda l-festi għadhom għaddejjin fuq skala iżgħar f’kappelli li għandna f’Malta u Għawdex. Waħda minnhom hi dik dedikata lil Santa Katerina li tinsab f’irħajjel fil-limiti tar-Rabat. Din il-kappella għadha kemm ġiet restawrata.

Kappella li ilha wieqfa madwar 500 sena fl-irħajjel “Tad-Daħla”, li jinsab nofs triq bejn ir-Rabat u Ħad Dingli, ingħatat dehra ġdida wara restawr estensiv li sarilha u bħalissa tinsab armata għall-festa.

Wara li tlesta r-restawr minn ġewwa, il-Perit Roberta Mallia mid-Direttorat tar-Restawr qalet li x-xogħol issokta fuq barra.

“L-ewwel kien hemm it-tranġar tal-aċċess u l-parapett. Tranġaw il-ħitan ta’ madwar il-parapett għax kienu qishom ħitan tas-sejjiegħ u tranġa anke it-taraġ. Imbgħad kien hemm ir-restawr tal-Knisja, tal-faċċati. Kien hemm it-tindif għax inġabru ħafna depożiti li inġabru maż-żmien u kien hemm xi black crust speċjalment mal-faċċata tal-gwarniċa ta’ quddiem,” qalet il-Perit Roberta Mallia.

Ix-xogħol kollu ta’ ħarsien ta’ wirt storiku ġie finanzjat mill-Uffiċċju għall-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura.

Il-Viċi Arċipriet tar-Rabat, il-Kanonku Claude Mifsud qal li kull nhar ta’ Sibt filgħaxija tiġi ċċelebrata quddiesa fil-kappella u jsir servizz pastorali mill-parroċċa fil-festi l-kbar tal-knisja. Appuntament speċjali iżda hu tmiem din il-ġimgħa meta tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Katarina.

“Illum lejliet il-festa filgħaxija. Il-Ħadd filgħodu jkollna quddiesa fl-10 ta’ filgħodu, filgħaxija fil-5:30 ħa jkollna quddiesa kantata u wara purcissjoni akkumpanjata mill-banda,” qal il-Viċi Arċipriet tar-Rabat.

Fl-irħajjel “tad-Daħla” joqgħodu madwar 15-il familja, li lil hinn minn tmiem din il-ġimgħa, igawdu il-kwiet li baqgħet mogħnija bih din iż-żona.