Lokali
Restawrata l-batterija tat-Torri l-Abjad

Inbena ‘l fuq minn 370 sena ilu biex jgħasses sewwa l-fliegu bejn l-Aħrax tal-Mellieħa u Kemmuna; it-Torri l-Abjad għadu wieqaf, waħdu f’din iż-żona. Minnu jidhru tajjeb żewġ torrijiet oħra: it-Torri l-Aħmar u ta’ Kemmuna  u ‘l bogħod partijiet minn Għawdex.

Sal-aħħar ta’ din is-sena għandu jkun tlesta r-restawr tiegħu, filwaqt li fi proġett separat ġiet restawrata l-batterija li hemm miegħu.

It-Torri l-Abjad inbena fl-1648, wieħed minn tlettax mibnija fi żmien il-Granmastru De Redin ‘il fuq minn sittin sena wara, madwar it-torri nbniet batterija, il-post li fuqha setgħu jitpoġġew sa 10 kanuni. Dawn żdiedu mat-tnejn li tġoġġew fuq it-torri nnifsu.

Fl-istess sena li nbena ċ-ċint li jifforma l-batterija, inbniet ukoll il-block house – kamra mat-torri li fiha kienu jaħżnu l-munizzjon għall-kanuni, bħall-balal. Il-batterija għadha kemm ġiet restawrata mill-Awtorita’ għat-Turiżmu flimkien mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa.

Stanley Farrugia Randon, inkarigat mir-restawr f’isem Din l-Art Ħelwa, spjega li l-batterija tat-Torri l-Abjad hija differenti minn oħrajn.

“Dawn ħafna drabi konna narawhom b’ċint ftit għoli mhux ħażin u kien ikun hemm toqob ġo dan iċ-ċnut, biex imbagħad il-kanun seta’ joħroġ minn dan iċ-ċint u allura s-suldati setgħu jieħdu kenn wara ċ-ċint. F’dan il-każ il-kanuni kienu tqiegħdu direttament fuq il-parapett fuq il-ħajt u kienu jisparaw direttament minn fuq il-ħajt.”

Wara snin f’idejn il-privat, lejn l-aħħar tal-2009 it-Torri l-Abjad għadda f’idejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li fdah f’idejn Din l-Art Ħelwa fosthom biex wirt storiku li kien fi stat dilapitat jinbidel f’attrazzjoni.

Apparti l-batterija, kważi tlesta r-restawr tat-torri nniffsu li nvolva dawra tajba lill-ħitan minn ġewwa u minn barra, inbidlu servizzi, aperturi, xi ġebel u soqfa.

“Soqfa mhux ta’ żmien il-Kavallieri dawk baqgħu intatti. Soqfa ta’ żmien l-Ingliżi għax il-konkos inqasam u s-soqfa tagħhom kienu xi wħud minnhom ċedew u oħrajn kienu f’periklu li jċedu.”

Din l-Art Ħelwa tappella biex il-pajjiż jagħti aktar priorità lir-restawr ta’ postijiet storiċi.

Ir-restawr tal-batterija tat-Torri l-Abjad ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo bix-xogħol sewa aktar minn €120,000.