Knisja Maltija
Restawrata l-istatwa titulari ta’ San Lawrenz f’Għawdex

Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa titulari ta’ San Lawrenz, meqjum fil-paroċċa tar-raħal Għawdxi li ħa ismu mill-qaddis. F’ħames xhur ‘il bogħod mill-parroċċa tiegħu, l-istatwa fil-kartapesta għaddiet mill-ewwel proċess ta’ restawr tul il-125 sena li ilha li żżanżnet.

Il-ħarsa ‘l fuq lejn is-sema. L-istennija ta’ martirju aħrax liema bħalu – mixwi fuq gradilja. U l-qaddis li b’ħarstu aċċetta d-destin tiegħu. San Lawrenz ta ismu għar-raħal ċkejken fin-naħa tal-punent t’Għawdex. Mibni fuq pjanura u mdawwar minn tlett għoljiet: ta’ Għammar, ta’ Gelmus u Ta’ Dbieġi. Il-parroċċa ta’ San Lawrenz twaqqfet bħala parroċċa fil-15 ta’ Marzu 1893. U sentejn wara fl-1895 iżżanżnet l-istatwa titulari li nħadmet f’Marsilja għand Galliard et filles. Inħadmet fil-kartapesta u sal-lum qatt ma ntmisset fir-restawr. Fl-aħħar ħames xhur l-istatwa kienet Malta, fejn ir-restawratur Pierre Bugeja qal li minkejja li maħduma fil-kartapesta 125 sena ilu, l-interventi fuqha ma kinux kbar.

Wara l-appostli San Pietru u San Pawl, San Lawrenz l-aktar martri Ruman magħruf ta’ Ruma. San Lawrenz, Spanjol, ingħata l-martirju f’Ruma fis-sena 258 fi żmien l-imperatur Valerjanu talli biegħ it-teżori tal-knisja biex jgħin lill-foqra. Il-Kappillan ta’ San Lawrenz qal li minkejja li mhux se jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija, il-komunità Lawrenzjana trid tkompli tiċċelebra u tgħix il-fidi li għex u miet għaliha San Lawrenz

Din l-istatwa ta’ San Lawrenz għandha tibqa’ tfakkarna fil-ħajja qaddisa, fil-virtujiet li ghex San Lawrenz u hekk għas-snin li ġejjin nittama li din l-opra tibqa’ jżejjen din il-knisja u tgħin anke l-komunità tagħna tgħix il-missjoni tagħha ta’ Insara fuq l-eżempju ta’ dan il-qaddis.

L-istatwa titulari terġa’ lura fost il-komunità Lawrenzjana s-Sibt filghaxija fejn San Lawrenz jintlaqa’ fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja parrokkjali u ssir quddiesa fil-miftuħ.

Aħbarijiet Oħra

Il-viżjoni li tixpruna l-programm li tħejja għall-istaġun li jmiss ta’ Spazju Kreattiv taħseb biex tegħleb l-isfidi tal-Covid-19, bl-organizazzjoni ta’ 400 attività bis-sehem ta’ 320 artist u 17-il għamla ta’ arti…

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, l-attivitajiet f’Malta kienu ffukati biex iwasslu messaġġ dwar il-ħsara li jagħmel il-plastik fil-baħar. Minn attivitajiet ta’ tindif f’erba’ bajjiet popolari, f’għodwa waħda nġabru ‘l fuq minn 150…

Aktar