Knisja Maltija
Restawrati 14-il kwadru fil-Knisja tal-Mosta

Erbatax-il kwadru fil-Knisja tal-Mosta ġew restawrati b’investiment ta’ tmenin elf ewro.

Erba’ kwadri huma tal-artista tas-seklu sbatax, Stefano Erardi u parti kbira mill-għaxra l-oħra huma ta’ Giuseppe Calì, meqjus bħala wieħed mill-aktar artisti importanti tas-seklu dsatax f’Malta.

Ir-restawratur, Paul Muscat, spjega li l-kwadri ta’ Calì fil-Knisja tal-Mosta jirappreżentaw l-evoluzzjoni artisitika tal-artist.

“Hawn minn fejn beda’ Calì għal meta spiċċa, allura tara t-trasformazzjoni tal-artist minn meta kien għadu kif ġej minn Ruma b’pitturi daqsxejn aktar akkademiċi għal pitturi li huma aktar liberi, iktar jirriflettu dak li kien Calì.”

Ir-restawratur spjega kif bix-xogħol li sar issa hemm konferma li wieħed mill-kwadri huwa ta’ Stefano Erardi, li jinsab fis-Sagristija tal-Knisja.

“Kien hemm ħafna mill-oriġinal li kien mitluf, però llum nistgħu nikkonfermaw li minn dak li kien fadal, li kien verament ta’ Stefano Erardi u li sarlu ħafna ħsara mhux minħabba r-restawraturi imma ħabba l-kundizzjonijiet li kien fih.”

Paul Muscat spjega kif ħafna mill-kwadri kienu fi stat ħażin speċjalment fit-tila li f’xi każi kienet bdiet tittiekel. Qal li l-burdura ta’ wħud mill-kwadri tmermret. Anke l-kulur tal-pitturi nbidel maż-żmien hekk kif skura minħabba verniċ li ġie applikat fil-passat.

L-interventi ta’ konservazzjoni u restawr saru minn Recoop b’finanzjament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej, Edward Zammit Lewis, tkellem dwar kif il-fondi Ewropej huma għodda importanti għal proġett bħal dan li huwa ta’ valur għalih innifsu u għall-komunità.

Is-Segretatju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li l-Kurja bbenefikat minn aktar minn żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej li permezz tagħhom qed jiġu rkupprati ħafna knejjes u xogħlijiet tal-arti li kienu bdew jintilfu.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-pitturi huma rifless tal-valuri Nsara umani u spjega li permezz tagħhom nitgħallmu napprezzaw dak li tassew jibnina bħala soċjetà.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Inqas minn xahar bogħod mill-Karnival, karru satiriku qajjem kontroversja. L-awtoritajiet iridu li l-karristi jbiddluh biex ma jkunx offensiv waqt li l-karristi qed jiddefendu l-idea tal-karru u jgħidu li ma ġietx…

Trasport

Minn nhar is-Sibt it-traġitti bil-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna ser jibdew isiru minn Kooperativa Comino Ferries li fiha seba’ operaturi. Il-koperattiva kienet l-uniku operatur li għamel l-offerta wara sejħa pubblika…

Lokali

Persuni b’mard kroniku jew diżabilità qed iħossuhom diskriminati li kumpaniji tal-assikurazzjoni mhux qed iħalluhom jixtru polza ta’ assikurazzjoni fuq ħajjithom li mingħajrha ma jistgħux jieħdu self mill-bank jew possibilment jibdew…

Lokali

Il-missjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, bħala organu mwaqqaf mill-Kostituzzjoni, hi li tassigura li l-ingaġġ ta’ ħaddiema maċ-ċivil ikun effiċjenti u bbażat fuq il-mertu. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb ukoll il-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-ħaddiema…

Aktar