Lokali
Restawrati l-monumenti ta’ Dun Karm u Anton Buttigieg

B’deċiżjoni meħuda sentejn ilu mill-Kabinett tal-Ministri, il-Gvern għadda r-responsabilità ta’ 28 monument nazzjonali f’idejn l-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali, Heritage Malta. Dawn jinkludu l-monumenti tal-Presidenti tar-Repubblika, Prim Ministri, persunaġġi u avvenimenti nazzjonali. L-aġenzija għadha kemm lestiet ir-restawr ta’ tnejn mill-monumenti fdati lilha.

Heritage Malta għadha kemm lestiet interventi ta’ restawr fuq żewġ monumenti oħra nazzjonali li hi obbligata tara li jinżammu fi stat tajjeb. Il-monumenti jinsabu f’żewġ lokalitajiet ġirien: dak tat-tieni President tar-Repubblika, l-Avukat Anton Buttigieg, li jisab fil-Blata l-Bajda u l-monument tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila fil-Floriana. Frank Chetcuti, restawratur ma’ Heritage Malta spjega li l-aġenzija qed iddur il-monumenti kollha li għaddew fir-responsabilità tagħha.

“Bħala statwa kundizzjoni tagħha ma tantx hi ħażina, l-unika ħaġa li sibna li hu ta’ detriment għall-istatwa huwa ħmieġ li jitrabba mill-elementi ta’ madwarha. Bħala proċess ta’ restawr, dan il-ħmieġ tnaddaf u tajniha protezzjoni biex nippreservaw l-istatwa għall-futur.”

Ir-restawr tal-monument ta’ Dun Karm Psaila tlesta fiż-żmien li se jitfakkar il-150 sena mit-twelid tal-poeta nazzjonali. Għal dan l-anniversarju, Heritage Malta tellgħet wirja ddedikata lill-memorja u l-kitbiet ta’ Dun Karm, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA, fil-Belt.

“Il-wirja hija ċkejkna, tiġbor fiha l-affarijiet kollha tal-kollezzjoni nazzjonali li għal din l-okkażjoni ġbarnihom hawnhekk apposta f’MUŻA biex għall-ewwel darba jkunu miġburin f’salt u aċċessibbli għal kulħadd.”

Fost l-esebiti, oġġetti personali ta’ Dun Karm bħal pinna u nuċċali kif ukoll poeżija miktuba bil-kaligrafija tiegħu stess. Ottubru huwa x-xahar tat-twelid u tal-mewt ta’ Dun Karm Psaila. Huwa kien twieled fit-18 ta’ Ottubru tal-1871 u miet fit-13 ta’ Ottubru tal-1961 ħamest’ijiem qabel għalaq id-90 sena. Il-wirja hi miftuħa mingħajr ħlas sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.