Storja
Restawraturi u konservaturi f’Malta jingħataw warrant għall-ewwel darba

Professjonisti fil-qasam tar-restawr u l-konservazzjoni jridu jsegwu kodiċi tal-etika u standards għoljin meta jiġu biex jirrestawraw oġġetti antiki personali u ta’ patrimonju nazzjonali. Dan hekk kif għall-ewwel darba 25 restawratur u konservatur f’oqsma differenti ngħataw warrant li għandu l-għan li jirrikonoxxi din l-professjoni u jobbliga li x-xogħol fuq patrimonju storiku jsir minn nies kwalifikati fil-qasam.

Fost dawk li rċivew il-warrant kien hemm restawraturi u konservaturi fil-qasam tal-karti u l-kotba, id-drapp, il-pittura u oġġetti oħra.

Waħda mill-membri tal-bord li għamel l-iskrutinju tal-kandidati għall-warrant, il-Professur JoAnn Cassar, qalet li dan hu pass importanti biex il-patrimonju jiġi indukrat bl-aħjar mod.

“Mil-lum ‘il quddiem għandna reġistru, lista ta’ nies, li int għandek x’għandek tista’ tmur b’wiċċek minn quddiem, taf li żgur għax l-istat u l-liġi tirrikonixxihom bħala nies professjonisti, u tgħidilhom din tiswa ferm, għalija, għar-raħal, għall-pajjiż u trid l-aħjar kura, u taf li se ssibha.”

Il-Professur Cassar qalet li oġġett storiku mhux bilfors ikun ta’ importanza nazzjonali iżda jista’ jkollu valur sentimentali għall-familja. Qalet li n-nies li kisbu l-warrant ġew ċertifikati li għandhom il-ħiliet neċessarji biex jindukraw l-oġġett bl-aħjar mod.”

“Jekk għandek libsa tal-magħmudija li ilha ġejja min-nanniet li minkejja mhux importanti għal pajjiż, imma għalik u għall-familja hija importanti, se jtuha l-istess kura bħal oġġetti li se jkunu f’mużew.”

Ir-restawraturi u l-konservaturi li kisbu l-warrant mhux biss iridu jsegwu l-kodiċi tal-etika iżda iridu jagħmlu 25 siegħa ta’ tagħlim u taħriġ kull sena biex jibqgħu aġġornati mal-aħħar żviluppi fil-qasam.

Il-Professur Cassar qalet li s-sovrintendenza għall-patrimonju kulturali se jkollha l-awtorità li tinforza l-liġi biex tara li dawk li kisbu l-warrant ikunu qed jimxu skond ir-regoli, kif ukoll li xogħol ta’ restawr fuq oġġett storiku isir min-nies awtorizzati. Madanakollu, saħqet li l-aktar importanti bħalissa hu li ikun hemm it-tagħlim.

“Il-poplu jrid jidra, imma l-idea li mhux tidħol bil-liġi u tagħti kastig, imma li tgħallem.”

Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-warrants fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Jose Herrera qal li l-warrant ifisser responsabiltà biex ir-restawraturi u l-konservaturi jipprattikaw l-għola standards waqt xogħolhom. Żied li fil-jiem li ġejjin se jiftħu l-applikazzjonijiet għal warrant biex jingħata lil min ilu jipprattika dan ix-xogħol għal numru ta’ snin.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar