Barranin
Restoranti u barijiet fl-Italja jiftħu xorta u jisfidaw lill-awtoritajiet

Fl-Italja, sidien ta’ ristoranti u bars irrabjati bir-restrizzjonijiet tal-Gvern u l-miżuri minħabba l-coronavirus li jobbligawhom jagħlqu fis-sitta, sfidaw ir-regoli u fetħu għall-pubbliku lbieraħ f’Milan u Venezja bħala parti minn protesta nazzjonali kontra dawn il-miżuri.

Bl-isem ta’ ‘Io Apro’ (Jien se niftaħ), id-dimostrazzjoni qed issir minn sidien tan-negozji li qed isibuha diffiċli li jibqgħu miftuħin hekk kif il-Gvern Taljan mistenni jħabbar miżuri ġodda.

Fost dawn is-sidien hemm min qed jgħid li se jobdu u jagħlqu biss jekk jingħataw spjegazzjoni għaliex it-trasport pubbliku u s-supermarkets tħallew joperaw mingħajr restrizzjonijiet.

Assoċjazzjonijiet tal-catering ikkundannaw dan l-aġir u qalu li wieħed ma jistax jipprotesta billi jikser il-liġi.

Filmati li ttellgħu fuq il-midja soċjali juru nies jiddevertu u jiżfnu fir-restoranti, kif ukoll il-pulizija jidħlu u jagħtu l-multi.