Reviżjoni fil-pensjoni tal-eks-ħaddiema tat-Tarzna u pensjoni tal-irtirar għall ħaddiema tas-CPD

Reviżjoni fil-pensjoni tal-eks-ħaddiema tat-tarzna

L-anzjani ta’ ‘l fuq minn 75 sena se jibqgħu jibbenefikaw mill-għotja ta’ €300 ewro.  Filwaqt li ngħata bidu għar-riforma fil-pensjonijiet bl-introduzzjoni tat-tielet pilastru, dan il-baġit se jindirizza bosta anomaliji li zviluppaw fl-aħħar snin.  Fosthom se ssir reviżjoni tal-pensjoni tal-eks ħaddiema tat-tarzna, li mis-sena d-dieħla se jibdew jitħallsu skont is-salarju li kellhom meta l-kumpanija għalqet u skont is-salarju stabbilit fl-aħħar ftehim kollettiv.

Benefiċċju ta’ €200 għall-pensjonanti tas-servizzi

Pensjonanti tas-servizzi se jkomplu jibbenefikaw minn €200 mas-somma li ma tiġix ikkunsidrata fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Ħaddiema li kienu ħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali imma li ma jkollhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifikaw għall-pensjoni minn Jannar li ġej se jkunu jistgħu iħallsu sa 5 snin il-bolol nieqsa. Nisa ta’ bejn it-62 u l-74 sena u li fil-passat qattgħu ħafna snin ma jaħdmux mis-sena d-dieħla se jirċievu bonus ta’ €200 jekk ħallsu iktar minn 5 snin kontribuzzjonijiet u 100 ewro jekk ħallsu iktar minn sena iżda inqas minn ħames snin f’kontribuzzjonijiet/

Pensjoni tal-irtirar għall-ħaddiema tas-CPD

Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkunu jistgħu jgawdu mill-pensjoni tal-irtirar wara 25 sena servizz, bħalma diġà jagħmlu l-Pulizija u s-suldati.  Se titwettaq ukoll il-wegħda mis-sena d-dieħla biex membri tal-kori dixxiplinati li jsofru minn dizabilita’ waqt il-qadi ta’ dmirijiethom se jingħataw kumpens.