Ilma
Riċerka bil-għan li titjieb il-kwalità, it-togħma u r-riħa tal-ilma tal-vit

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma għażlet ħames proġetti li se tkun qed tiffinanzja bi ftit aktar minn nofs miljun ewro bil-għan li jsiru studji ta’ riċerka u innovazzjoni.

Il-proġetti ta’ riċerka jvarjaw minn sistemi għat-titjib tal-kwalità tal-ilma, għall-ħażna ta’ enerġija rinovabbli, monitoraġġ għat-tisqija tar-raba’ u l-ilma tal-pjan.

Fis-sentejn li ġejjin għadd ta’ riċerkaturi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’kollaborazzjoni mal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta se jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka bil-għan li jkun hemm titjib fil-kwalità, it-togħma u r-riħa tal-ilma tal-vit.

Ir-riċerkatriċi Jeanice Mallia qalet li t-togħma mhux daqstant aċċettabli ġejja mill-użu tal-chlorine, li saħqet li huwa diżinfettant effettiv ħafna li jintuża wkoll f’pajjiżi oħrajn. “Hemm numru ta’ teknoloġiji li għandhom il-potenzjal li jiġu inkorporati fl-operat tagħna, pero fl-aħħar mill-aħħar minn pajjiż għall-ieħor is-sors jinbidel, u b’hekk irridu naraw liema teknoloġija tadatta għall-ilma tal-pajjiż tiegħek.”

Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli qalet li dan il-proġett hu turija ta’ kif ir-riċerka tista’ tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. “Jekk nagħmlu dan il-pass nistgħu wkoll ngħinu l-ambjent għax innaqsu l-ammont ta’ flixken tal-plastik, li per eżempju n-nies jixtru għax jippreferu li jixorbu dak it-tip ta’ ilma, dawn huma t-tip ta’ eżempji fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni mhux biss tkun qed tħares biex tagħmel avvanzi teknoloġiċi imma tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.”

Il-proġett ‘pur ilma’ hu wieħed minn ħamsa li l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma qed tiffinanzja b’madwar €560,000 biex eventwalment jinstabu soluzzjonijiet effettivi. “Sabiex ikollna riċerka f’pajjiżna li tindirizza dawk l-isfidi li huma speċifiċi għall-Malta li normalment f’riċerka f’pajjiżi ikbar ma tiġix indirizzata,” fisser Manuel Sapiano, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.

L-erba’ proġetti l-oħrajn li ntgħażlu jvarjaw mill-monitoraġġ tal-ilma għat-tisqija fl-agrikoltura għaż-żieda fl-ammont ta’ enerġija rinovabbli li tmur fil-grid nazzjonali tal-elettriku.

“Se nagħmlu dan billi nikkunsidraw tipi differenti ta’ storage li ma jkunux biss batteriji iżda tipi oħra ta’ teknoloġiji li jissejħu power to x fejn l-enerġija elettrika tinbidel f’likwidi jew gass li jservu wkoll bħala ħażna għall-eneġerija elettrika,” spjega Alexander Micallef mill-proġett ‘Estelle’.

Waqt it-tqassim tal-fondi lill-ħames proġetti, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fisser l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma bħala eżempju għal entitajiet pubbliċi oħrajn għaliex qed tkun pro-attiva biex tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni.