Lokali
Riċerka dwar il-qadfa tar-regatta

Minkejja li mhux se jitħallew ġemgħat ta’ nies isegwu ir-Regatta Nazzjonali mill-postijiet madwar il-Port il-Kbir l-interess u l-istennija ma tonqosx. Bl-għan li din it-tradizzjoni sportiva Maltija tiġi mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri Akkademiċi Maltin żewġu xjenza mar-regatta u żvelaw dettalji xjentifiċi dwar it-teknika u l-korrimenti assoċjati ma’ dan l-isport.

Hi sinonima mal-Kottonera iżda tiġbed l-amirrazzjoni tan-Nazzjon. Jumejn ‘il bogħod mit-tlielaq ta’ Jum il-Vittorja, is-seba’ klabbs tar-regatta għadejjin bi preparamenti intensivi. L-isfida mhux faċli u l-kompettivita hi kbira. Minkejja li dan l-isport huwa assoċjat mal-Kottonera, għal dawn l-aħħar erba’ snin kien fiċ-ċentru ta’ studju uniku minn riċerkaturi u akkademiċi Maltin li għall-ewwel darba analiżaw u żvelaw tendenzi xjentifiċi dwar il-qadfa tar-regatta u saħansitra l-korrimenti assoċjati magħhom.

Dr Tonio Agius li flimkien mal-Professur Joseph N Grima ħejjew dan l-istudju volomuż stqarr ma’ TVM li l-motivazzjoni tiegħu għal dan l-istudju nibtet miż-żmien li għamel fiżjoterapista ma’ diversi klabbs tar-regatta. Qal li dan l-istudju ser jgħin biex ikompli jikber l-interess fir-Regatta Nazzjonali.

“L-isport, għadu pjuttost arti jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra, coaching formali m’hemmx fil-baħar wieħed jgħallem lil ieħor. Min għandu teknika tajba u min għandu teknika ftit inqas. Allura għidna dan l-istudju jekk nistudjaw il-mekkanika kif jiċċalaq il-bniedem waqt l-isport u analiżi dwar il-korrimenti relatati mal-isport. Għidna mela minn hawn nistgħu noħorġu mod kif bniedem jista’ jitgħallem aħjar u jiprevjeni li jweġġa’ waqt l-isport.”

Il-Professur Grima li jgħallem fil-Fakultà tax-Xjenza tal-Universita ta’ Malta qal li waħda mill-punti saljenti tal-istudju huwa li min jaqdef bilqiegħda ma jkollux injuries fl-irkoppa. Tendenza li qal hi komuni li f’qaddiefa barranin.

“Ħafna jassumu li minn jaqdef bit-teknika Maltija ikollu ħafna injuries f’daru fejn ma kienx il-każ. Fil-fatt sibna li min jaqdef bit-tenkika Maltija kif ukoll min jaqdef fuq dgħajjes barra minn Malta jkollu l-istess injuries. Waħda mir-raġunijiet hi li għalkemm jidher li l-moviment ġej mid-dahar fil-fatt dan ikun ġej mill-pelvis. Għalkemm jidher li fuq l-għajnejn dahru ma jgħawġux mill-pelvis ikun ġej.”

Il-Professur Grima qal li fi żmien riċenti l-istudju fuq il-qdif kiber sew u fil-fatt, permezz ta’ għajnuna mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija bħalissa għaddejj studju ieħor dwar kalijiet li jiżviluppaw il-qaddiefa f’idejhom bl-għan li jiġu prevenuta.

Intant, il-Ministru Carmelo Abela li taħtu jaqa’ l-iżvilupp sostenibbli semma’ kif parti minn dan huwa l-ħarsien tal-ħiliet tradizzjonali u kif it-tradizzjonijiet u l-ħiliet fil-bini u t-tiswija tal-opri tal-baħar li jintużaw għal dawn it-tlielaq saru parti mit-tradizzjoni tagħna. Qal li rridu nassiguraw li dawn, il-ħiliet Maltin mhux talli jiġu mħarsa imma li jgħaddu minn din il-ġenerazzjoni għal dawk futuri.