Barranin
Riċerka turi li persuni li mardu bil-COVID-19 huma aktar f’riskju li taqbadhom dipressjoni u puplesija

Riċerkaturi sabu li persuni li mardu bil-Covid-19 fl-aħħar sitt xhur kienu aktar soxxettibbli li taqbadhom dipressjoni, dementia, psikożi u puplesija. Terz ta’ dawk li mardu bil-coronavirus żviluppaw ukoll jew reġgħet qabdithom kundizzjoni psikoloġika jew newroloġika. Il-pazjenti li ddaħħlu l-isptar jew fit-taqsima tal-kura intensiva kellhom riskju aktar għoli. X’aktarx li dan kollu huwa riżultat tal-effetti tal-istress u tal-impatt dirett li l-virus għandu fuq il-moħħ.

Xjentisti mir-Renju Unit ħarsu lejn ir-rekords mediċi ta’ aktar minn nofs miljun pazjent fl-Istati Uniti u ċ-ċans li jiżviluppaw waħda mill 14-il kundizzjoni psikoloġika jew newroloġika fosthom emorraġija tal-moħħ, puplesija, dementia, psikożi, diżordni fil-burdata u disturbi ta’ ansjetà.

It-tnejn tal-aħħar kienu l-aktar komuni f’dawk li mardu bil-Covid riżultat tal-istress mill-esperjenza li ġarrbu għax kienu morda ħafna jew ittieħdu l-isptar. Kundizzjonijiet bħal puplesija u dementia rriżultaw aktar mill-impatti bioloġiċi tal-virus innifsu jew mir-reazzjoni tal-ġisem għall-infezzjoni.