Teknoloġija
Riċerkatur Malti jsib mod kif il-batteriji fil-karozzi tal-elettriku jservu aktar

Riċerka li damet għaddejja tliet snin mill-Università ta’ Malta wasslet biex il-batteriji li jintużaw fil-karozzi tal-elettriku jdumu aktar anke jekk ikunu ċċarġjati b’ħeffa kbira.

Il-proġett tmexxa minn Dr Robert Camilleri li se jipproni din l-iskoperta lill-kumpaniji tal-manufattura tal-batteriji ħalli tintuża fuq livell kummerċjali.

Riċerkaturi mill-Università ta’ Malta sabu sistema kif il-batteriji Lithium-ion li jintużaw fil-karozzi, fil-laptops u fil-mobile jistgħu jkunu ċċargjati malajr mingħajr ma jiġrilhom ħsara.

Meta l-batterija tkun ċċarġjata malajr togħla ħafna t-temperatura u din twassal biex il-batterija jiġrilha l-ħsara, tonqsilha ħafna l-effiċjenza tagħha u anke tispiċċa aktar malajr.

Din il-problema se tkun solvuta bis-sistema li sabu r-riċerkaturi fl-Università ta’ Malta mmexxija minn Dr Robert Camilleri permezz tal-proġett Nevac fejn il-batterija se titpoġġa f’likwidu li jassorbi s-sħana u jżomm it-temperaturi kostanti li tagħmilha possibbli li l-batterija tkun iċċarġjata b’rata mgħaġġla.

“Fil-vetturi elettriċi qed jinħass il-bżonn ta’ fast charging. Issa fast charging idaħħal kurrenti kbir ġol-batterija u l-battery tisħon allura hemm bżonn li l-batterija żżommha kiesħa għaliex jekk ma tagħmilx hekk il-batterija tiddegrada ħafna aktar malajr jew anke jista’ jkun hemm xi safety concerns”.

Din it-tekonologija hija maghrufa bħala Novel EVAporative Cooled, għandha diversi vantaġġi fosthom protezzjoni lill-batterija minn sħana eċċessiva, iżżid l-effiċjenza u anke jitwal il-perjodu ta’ żmien ta’ kemm il-batterija tista’ tibqa’ tajba.

“Il-proġett żviluppa sistema fejn nintroduċu likwidu fil-battery pack u juża l-kunċett ta’ evaporative cooling jiġifieri meta l-likwidu jagħli jieħu ħafna minn dik l-energija, jieħu ħafna sħana, allura jekk ikollok batterija li qiegħda immersed jew imxarrba b’dan il-likwidu, meta din il-battery tibda tisħon dan il-likwidu jibda’ jieħu s-sħana u jsir vapour u b’hekk nintroduċu ħafna aktar kurrent mingħajr mal-battery tisħon wisq”.

Il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-kumpanija Abertax u kien preżentat lill-esperti u lill-pubbliku waqt seminar li sar fiċ-Ċentru Xjentifiku Interattiv, l-Esplora, fil-Kalkara.