Lokali
Rifjutat il-permess għall-pompa tal-petrol fil-Magħtab

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar b’mod unanimu rrifjuta l-permess għall-pompa tal-petrol fil-limiti tal-Magħtab, wara li l-Qorti laqgħet it-talba tar-residenti li joqogħdu fiż-żona u ordnat li l-applikazzjoni terġa’ tinbeda mill-bidu.

Il-Perit tal-proġett qalgħet li s-sit mhuwiex wieħed agrikolu u li l-applikazzjoni hija għar-rilokar ta’ pompa tal-petrol li tinsab f’żona residenzjali fil-Mosta. Hija qalet li l-maġġoranza tar-residenti tal-Magħtab huma favur dan il-proġett.

L-Inġinier Jonathan Buttigieg li huwa resident fiż-żona qal li 116 resident oġġenzjonaw għal dan il-proġett minħabba l-impatt li ser ikollu fuq l-ambjent tal-inħawi, filwaqt li għamel referenza għar-raġunijiet għar-rifjut tal-permess li kien ikkunsidra l-bord fis-seduti ta’ qabel. Huwa qal li skont l-istrateġija għaż-żona tal-Magħtab, tgħid li ma jistax ikun hemm kmamar tan-nar u pompi tal-petrol fiż-żona.

L-Avukat Ian Stafrace f’isem l-applikant qal li għal dan il-proġett diġà saru numru ta’ studji fosthom fuq l-impatt ambjentali. Huwa qal li din l-applikazzjoni trid tiġi deċiża abbażi tal-fuel station policy preżenti. Huwa qal li din l-applikazzjoni ser tneħħi pompa tal-petrol mill-qalba tal-Mosta.