Riklam ta’ teknoloġija inkredibbli li “jippromwovi l-fastidju sesswali”

Tista’ tkun l-aktar għodda meħtieġa li kull turist ikollu bżonn għax hija gadget żgħira li faċli ġġorrha fuqek, bi traduzzjoni perfetta u immedjata fi tliet lingwi – Ingliż, Ġappuniż u Ċiniż. Għalkemm kien hemm tifħir għal din il-gadget Ili deskritta mill-manifattur tagħha Logbar ibbażat f’Tokjo l-Ġappun, bħala “l-ewwel traduttur li tista’ tilbes fid-dinja”, il-filmat fir-riklam li jippromwoviha nxtered mal-erbat irjieħ tad-dinja għal raġunijiet żbaljati.

Fil-filmat jidher Dean, ġuvni Ingliż liebes Ili u qiegħed jittanta nisa li ma jafhomx fit-toroq ta’ Tokjo u jipprova jikkonvinċihom biex ibushom wara li jurihom kif taħdem il-gadget. F’ħin minnhom huwa jgħid lil waħda mara li l-fatt li wieħed ibus lil xi ħadd li ma jafx huwa “normali ħafna” fir-Renju Unit u l-mara twieġbu “Le, hawn il-Ġappun!” Dean jgħid lil mara oħra “għandi għalfejn nirringrazzja lill-ġenituri tiegħek talli għamlu tfajla sabiħa bħalek f’din id-dinja.” Il-filmat jispiċċa b’Dean ibus mara fuq xofftejha u jassiguraha li “ħadd mhu qed iħares.”

Il-mezzi tal-media soċjali malajr ddeskrivew il-filmat bħala wieħed li qed jippromwovi l-fastidju sesswali fuq nisa Ġappuniżi. Ir-riklam tpoġġa fuq Facebook u rawh aktar minn 5.1 miljun b’ħafna jittimbrawh bħala riklam ta’ teknoloġija inkredibbli bi strateġija tal-marketing żbaljata.