Lokali
Rilaxxat il-katavru ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-katavru ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat u l-funeral tagħha mistenni li issir fil-jiem li ġejjin.

Fl-istess waqt, tvm.com.mt jinsab infurmat li t-tagħmir teknoloġiku kollu tal-ġurnalista ġie depożitat f’post sikur barra l-pajjiż fejn esperti barranin se jippruvaw jirkupraw informazzjoni li tista’ tkun utli fl-investigazzjoni dwar min kien involut fil-qtil tagħha.

Ġimgħa mill-awtopsja fuq il-katavru ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Qorti ordnat li l-katavru jiġi rilaxxat u b’hekk il-familja tkun tista’ tħejji biex torganizza l-funeral tagħha.

Sorsi li tkellmu ma’ tvm.com.mt spjegaw li l-Maġistrat Anthony Vella li qed imexxi l-inkjesta bl-għajnuna ta’ bosta esperti jinsab sodisfatt bit-testijiet li saru fuq il-katavru u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi rilaxxat.

Fi żvilupp ieħor, id-data kollha li kellha l-ġurnalista fil-mobile u l-kompjuter ġiet trasferita f’post sikur barra minn Malta biex mhux biss tiġi preservata iżda biex l-esperti tat-teknoloġija jippruvaw jirkupraw xi informazzjoni li tista’ tgħin lill-investigaturi jsibu tarf dwar min kien il-moħħ wara l-bomba qawwija li x’aktarx tpoġġiet fuq ġewwa tal-karozza.

Fil-jiem li għaddew is-SIM card oriġinali li kien hemm fil-mobile ta’ Daphne Caruana Galizia ittiehdet f’post sikur fl-Olanda waqt li saret clone tagħha bil-ħsieb li ssir aktar analiżi fuqha. Anke s-server u l-hardware kollu li kellha l-ġurnalista li fih hemm maħżuna volumi kbar ta’ informazzjoni ttieħdu f’post sikur barra minn Malta biex ikun assigurat li d-data ma tiġix imbagħbsa.

Fl-istess waqt l-investigaturi Maltin flimkien mal-analisti tekniċi u forensiċi mill-Europol, l-FBI u l-Olanda għadhom qed jiflu bir-reqqa kull traċċa li nġabret mix-xena makabra fil-Bidnija.

Is-sorsi spjegaw li għadu prematur jiddeterminaw il-mottiv u jekk kinitx storja li kitbet fl-imgħoddi jew li kienet qed taħdem fuqha li setgħet urtat lil xi ħadd li ddeċieda li jelimina lis-sinjura Caruana Galizia. Madankollu, l-investigaturi huma kważi konvinti li l-bomba tpoġġiet fuq ġewwa tal-karozza tal-kiri. Anke dan l-iżvilupp qed jitqies bħala tarf ieħor f’kobba mħabbla li għandhom quddiemhom l-investigaturi.

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, wiegħed li gvern Nazzjonalista jreġġa’ lura d-demokrazija u jagħti lill-pajjiż viżjoni fit-tul li qal hi nieqsa fl-aġenda tal-gvern preżenti. F’mass meeting quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà,…

Qorti

Wayne Catania ta’ 29 sena mill-Ħamrun baqa’ miżmum arrestat wara li tessaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ serq ta’ vettura u li seraq u għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor. L-akkużat wieġeb…

Qorti

Malti ta’ 36 sena ġie akkużat li l-Ġimgħa u fil-jiem ta’ qabel f’Ħal Għaxaq hedded u kkawża biża’ lil oħtu. Il-Pulizija xlietu wkoll li ta fastidju u li kkawża vjolenza…

Politika

Dwar l-inkjesta pubblika kkummenta wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qal li fil-jiem li ġejjin se jlaqqa’ l-grupp parlamentari biex jiddiskuti t-twaqqif tal-inkjesta. Qal li jrid il-konfort aħħari li din…

Aktar