Riskju ta’ HIV u epatite għal nies li żaru dentisti f’Sydney

L-awtoritajiet tas-saħħa Awstraljani qalu li eluf ta’ persuni f’Sydney setgħu kienu esposti għall-HIV u l-epatite meta marru għand xi wieħed minn erba’ dentisti li nstab li kellhom prattiċi foqra ta’ tindif u steralizzazzjoni.

Kelliem għas-saħħa minn New South Wales qal li minn tal-anqas 11,000 pazjent ta’ żewġ operaturi fil-qasam tad-dentistrija kienu f’riskju baxx iżda pazjenti li għamlu proċeduri invażivi f’erba’ kliniċi fir-reġjun ta’ Sydney jistgħu ikunu f’riskju.

L-awtoritajiet qalu li qed jagħmlu kuntatt mal-pazjenti kollha.

L-HIV u l-epatite huma żewġ infezzjonijiet li jittieħdu mid-demm.

Gentle Dentist clinic Campsie
Il-klinika ta’ Gentle Dental f’Campsie

Il-kliniċi kienu operati minn Gentle Dental clinics f’Campsie fid-distretti tal-Lbiċ u taċ-ċentru ta’ Sydney u minn Dr Robert Starkenburg f’Surry Hills u f’Bondi Junction.

Skont rapporti fil-media, Dr Starkenburg ta’ 75 sena li twaqqaf milli jkompli jiprattika mill-Kunsill tad-Dentistrija Awstraljan fit-2 ta’ Diċembru 2014, ammetta li l-prattiċi tal-iġene tiegħu setgħu kienu laxki kultant.

Dr Robert Starkenburg
Dr Robert Starkenburg

Kelliem għall-Kunsill tad-Dentistrija Awstraljan qal li Dr Samson Chan mill-Gentle Dentist kellu r-reġistrazzjoni tiegħu sospiża f’Marzu ta’ din is-sena flimkien ma’ erba’ dentisti oħra li kienu jaħdmu fl-istess kliniċi.

Kienu mposti kundizzjonijiet fosthom spezzjonijiet kontinwi fuq sitt dentisti oħra li jaħdmu f’ċentri ta’ Gentle Dentist.

Kelliem għas-saħħa ta’ New South Wales qal li kull min kellu proċeduri invasivi f’xi waħda minn dawn il-kliniċi għandu jikkonsulta tabib dwar testijiet għall-mard li jinfirex mid-demm.