COVID-19
Ristoranti, kiosks u snack bars jiftħu take-away biss sal-11 t’April

Il-Prim Ministru ħabbar sensiela ta’ miżuri maħsuba biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19.

B’effett minn għada sal-11 ta’ April ristoranti u kafeteriji mhux se jservu nies mal-imwejjed iżda jistgħu jaħdmu biss servizz ta’ take away; hemm limitu dwar it-taħlit ta’ nies fl-istess dar, fejn hu possibbli ħaddiema huma mħeġġa jaħdmu mid-dar; u se jitwaqqfu ż-żjarat lil pazjenti fl-isptarijiet.

Attivitajiet tal-massa huma projbiti għajr tiġijiet u avvenimenti reliġjużi. Persuni taħt sittax il-sena ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi fejn hemm kuntatt bejn persuna u oħra waqt li f’xi każi l-ksur tar-regolamenti jfisser multi d-doppju ta’ bħalissa. Is-suppliment tal-pagi se jibqa’ jingħata sa Ġunju.

Il-miżuri l-ġodda tħabbru f’ġurnata fejn ġew rappurtati tliet mija, tnejn u sittin każ ġdid, rekord għal Malta fi kważi sena ta’ pandemija.

Minn għada sa Ħadd fuq l-Għid il-Kbir, il-11 ta’ April, ristoranti, kiosks, snackbars u kafetteriji jistgħu joperaw biss servizz ta’ take away. Din hi waħda min sensiela ta’ miżuri mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela biex il-pajjiż irażżan il-covid-19 hekk kif fl-aħħar jiem żdied in-numru ta’ każi ġodda. Ir-restoranti tal-lukandi u f’guest houses jistgħu jibqgħu miftuħa biss għar-residenti tagħhom. Night clubs, ħwienet tax-xorb u każini se jibqgħu bil-bibien magħluqa.

Il-Prim Ministru ħabbar li sidien li jinqabdu jiksru regolamenti dwar l-għeluq ta’ stabbilimenti u postijiet ta’ divertiment u boat parties se jiffaċċjaw multa ta’ €6,000 li hi d-doppju ta’ bħalissa. Qal li l-avvenimenti tal-massa se jibqgħu pprojbiti ħlief għal tiġijiet u attivitajiet reliġjużi li huma mitluba jsegwu b’mod strett il-protokolli maħruġa għalihom. Min jinqabad jorganizza avveniment tal-massa jista’ jiġi mmultat ukoll €6,000.

Tħabbar ukoll li n-nies f’attivitajiet fi djar privati ma jistax ikunu ġejjin minn aktar minn erbat idjar differenti. L-ammont massimu ta’ persuni miġbura flimkien fuq barra għadu ta’ sitta min-nies. Kull persuna li tikser din id-direttiva tista’ tiġi mmultata €100. Se jerġgħu jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti fuq il-postijiet ta’ akkomodazzjoni liċenzjati, kif kien hemm fil-ġranet tal-Karnival. Dawn ma jistgħux jilqgħu fihom aktar nies milli hemm sodod liċenzjati.

Il-Prim Ministru qal ukoll li abbażi ta’ fatti xjentifiċi li ppreżentaw l-awtoritajiet tas-saħħa, se tidħol projbizzjoni fuq contact sports bħal futbol, għal tfal u żgħażagħ sa 16-il sena. Dawk li għandhom 17-il sena ‘l fuq jistgħu jipprattikaw sport fejn hemm kuntatt bejn il-persuni iżda b’ħarsien sħiħ tal-protokolli li diġà hemm fis-seħħ.

Mit-Tnejn li ġej se tidħol fis-seħħ id-direttiva tas-Segretarju Permanenti Ewlieni biex kull fejn ix-xogħol jippermetti, il-ħaddiema tal-Gvern u ta’ entitajiet pubbliċi jaħdmu bit-telework. Il-Prim Ministru ħeġġeġ lis-settur privat biex fejn hu possibbli jimxi mal-eżempju tal-gvern u jagħti lok li l-ħaddiema jaħdmu mid-dar.

Dr Abela qal li l-Gvern mhux se jinsa lin-negozji u ħabbar li se jestendi s-suppliment tal-pagi sa Ġunju li ġej u se jgħin lir-restoranti biex imorru online. Ħabbar ukoll li ħaddiema f’ristoranti, snack bars u kiosks se jingħataw is-suppliment tal-pagi sħiħ. Qal li bis-suppliment tal-pagi u l-leave tal-kwarantina il-gvern s’issa ħareġ aktar minn €360 miljun u se jkompli jagħti aktar sostenn mill-inqas sa Ġunju li ġej.

B’effett immedjat ukoll, se jerġgħu jitwaqqfu ż-żjarat lil pazjenti fl-istparijiet ħlief f’każi ta’ persuni bil-Griżma tal-Morda. Il-miżuri ta’ prevenzjoni fid-djar tal-anzjani għalissa se jibqgħu fis-seħħ.

ARA l-miżuri fid-dettall:

ARA: Fid-dettall il-miżuri l-ġodda biex tiġi kkontrollata l-imxija