Politika
Ristoranti u lukandi se jgawdu minn €30 miljun oħra f’vouchers

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li għas-sena d-dieħla l-gvern alloka €95 miljun għat-turiżmu, għaxar miljun ewro aktar minn din is-sena u l-ogħla allokazzjoni finanzjarja li qatt saret għas-settur.

“Dan huwa budget imsejjes fuq l-importanza li jkollna turiżmu li jkun sostenibbli, u propju fil-ġimgħat li ġejjin, se nibdew id-diskussjoni mal-istakeholders kollha fuq l-ewwel abbozz tal-pjan nazzjonali tagħna fuq din l-istrateġija.”

Qalet li għall-10 snin li ġejjin, il-gvern se jagħti aktar importanza lill-kwalità milli l-għadd ta’ turisti. Żiedet tgħid li apparti l-flus diretti għat-turiżmu, hemm €30 miljun oħra għall-vouchers li se jintefqu f’ristoranti, f’lukandi u f’postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni turistika. Semmiet ukoll is-suppliment tal-pagi li se jibqa’ jingħata sa Marzu, u minnu gawdew eluf ta’ ħaddiema fis-settur turuistiku li kellhom l-impjieg tagħhom mhedded bil-pandemija.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-gvern se jwettaq għadd ta’ inċentivi marbutin ma’ reklamar internazzjonali u se tkun sostnuta l-organizazzjoni ta’ avvenimenti mifruxin matul is-sena kollha biex tonqos l-istaġjnalità. Enfasi wkoll fuq iż-żamma fi stat tajjeb taż-żoni turistiċi. Qalet ukoll li bdiet ħidma biex stabbilimenti turistiċi jiġġeneraw biżżejjed enerġija minn sorsi nodfa filwaqt li jonqos il-konsum permezz ta’ investimenti f’teknoloġija innovattivi.