Lokali
Ritratt tal-koppja f’Malta fil-basket tar-Reġina għall-funeral tal-Prinċep Philip

Għall-funeral tal-Prinċep Philip ilbieraħ, intqal li r-Reġina Eliżabetta II ħadet magħha fil-basket ritratt tal-koppja li kien meħud meta kienu f’Malta.

Il-midja Ingliża rrappurtat li, skont sorsi qrib Buckhingham Palace, fil-basket ir-Reġina ħadet ukoll maktur tal-Prinċep Philip li kien jilbes fil-but tal-ġlekk.

Bosta kkummentaw fuq l-għażla ta’ dawn iż-żewġ oġġetti b’valur sentimentali għar-Reġina, li kienet bilqiegħda waħedha għall-quddiesa tal-funeral ta’ żewġha għal 73 sena.

Fil-passat hija kienet irrimarkat li ż-żmien li qattgħet tgħix f’Malta kien l-isbaħ wieħed ta’ ħajjitha, fejn ħassitha li setgħet tgħix ħajja normali.

Il-koppja ġew f’Malta għall-qamar il-għasel, u wara għexu f’Villa Guardamangia bejn l-1949 u l-1951 meta l-Prinċep Philip kien stazzjonat f’Malta bħala uffiċjal navali. Fl-2007 l-koppja ċċelebraw ukoll is-60 anniversarju taż-żwieġ tagħhom f’Malta.

Ilbieraħ kanuni fil-Barrakka ta’ Fuq taw salut fuq il-Port il-Kbir b’tislima lid-Duka ta’ Edinburgh.

Ara wkoll:

Tiftakar lid-Duka ta’ Edinburgh jaqla’ twiddiba għax dam barra mal-prinċipessa