Lokali
FILMAT: Iċ-ċumnija ta’ Delimara bdiet titkisser wara li tneħħa l-ħadid kollu

Kompla jiżżarma l-aħħar impjant tal-heavy fuel oil fil-Power Station ta’ Delimara, hekk kif il-kuntratturi bdew iħottu iċ-ċilindru tal-konkos li kien iservi bħala lqugħ tul il-50 sular taċ-ċumnija.

Iċ-ċumnija tal-impjant tinkludi struttura ċilindrika tal-konkos m’għola 50 sular, b’dijametru ta’ 12-il metru. Il-ħitan tagħha għandhom ħxuna ta’ 80 ċentimetru fil-qiegħ u 30 ċentimetru fil-quċċata. Ġewwa din l-istruttura tal-konkos kien hemm żewġ pajpijiet b’wisa’ ta’ 2.3 metri li minhom kien joħroġ id-duħħan tal-ħarqa tal-boilers.

Fi stqarrija l-Enemalta spjegat li l-proċess taż-żarmar beda bit-tneħħija tal-aktar parti baxxa ta’ dawn iż-żewġ pajpijiet tal-ħadid, li jgħaqqdu ċ-ċumnija maż-żewġ boilers. Il-kumplament tal-pajpijiet tal-ħadid, slielem u pjattaformi oħra tal-ħadid li hemm aktar ‘il fuq ġewwa ċ-ċumnija tniżżlu mal-art sbiex setgħu jiżżarmaw b’mod sikur.

Fl-istess waqt, barra l-ħitan taċ-ċumnija, il-kuntrattur rama’ pjattaforma titla’ u tinżel awtomatikament fuq ħames kolonni li baqgħu telgħin sal-quċċata tal-istruttura. Issa li l-ħadid kollu ġewwa ċ-ċumnija tneħħa, beda l-proċess ta’ remote-controlled demolition robots fuq il-pjattaforma li bdew ikissru l-ogħla parti ta’ 1.5 metri taċ-ċumnija.

Malli titlesta din il-parti, l-pjattaforma titniżżel 1.5 metri sabiex ikompli t-twaqqigħ ta’ biċċa oħra. Il-biċċiet tal-konkos ser jitniżżlu l-art minn ġewwa ċ-ċumnija stess, sabiex jitnaqqsu t-trabijiet. X’ħin ikun fl-art, jitbgħabba fuq trakkijiet sabiex jinġarr.

Il-proċess gradwali ta’ żarmar permezz tal-pjattaforma mistenni jiġi ripetut madwar 80 darba sakemm iċ-ċumnija titniżżel għal 35 metru. F’dan l-istadju, l-pjattaforma titneħħa u l-kumplament taċ-ċumnija titkisser permezz ta’ high reach demolition excavator minn mal-art.

Fl-istess waqt, ħaddiema oħra lestew iż-żarmaw taż-żewġ boilers u apparat anċillari ieħor. Kull ma baqa’ hija struttura waħda li ser tinżamm biex isservi bħala store hekk kif din ser titniżżel fl’art.

Dan il-proġett, li mistenni jitlesta aktar tard din is-sena jinkludi t-twaqqigħ sħiħ taċ-ċumnija tal-konkos u l-ħadid, li tiżen kważi 9,000 tunnellata, jew madwar 6,000 karozza, kif ukoll il-boilers, it-turbini u t-tagħmir kollu ta’ dan l-impjant.

Il-materjal tal-impjant qed jiġi separat fuq il-post stess qabel ma jittieħdu lejn postijiet awtorizzati tal-iskart jew tar-riċiklaġġ awtorizzati.