Aġġornat: jixħtu l-baħar għoġol imdaqqas mejjet f’Marsalforn

Xena mhux tas-soltu f’Marsalforn f’Għawdex fejn il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili ġew imsejħa biex itellgħu mill-bahar karkass ta’ għoġol imdaqqas li għal xi raġuni spiċċa l-baħar. Saħansitra kellu jintuża krejn biex l-għoġol ittella’ fuq ix-xatt f’ħidma li ħadet inqas minn siegħa.

L-għoġol mejjet ittieħed il-biċċerija u huwa mifhum li ser isiru l-investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit kif u għaliex l-għoġol spiċċa fil-baħar.

Sorsi qrib il-Ministeru ta’ Għawdex qalu liċ-ċentru tal-aħbarijiet li mill-ewwel osservazzjonijiet ġie kkonfermat li l-għoġol ma kellux iċ-ċomba ta’ Malta. Iktar analiżi fuq il-karkassa tal-għoġol mistennija ssir mid-Dipartiment veterinarju t’Għawdex u anke minn uffiċjali tad-dipartiment veterinarju Malti li se jeżaminaw iċ-ċomba li nstabet fuq l-għoġol biex ikun ivverifikat minn fejn oriġina. Jidher li l-għoġol ma kienx ilu iktar minn tlett ijiem mejjet.