Ritratti provokanti fuq Instagram qegħdin iwasslu għall-abbuż?

Waqt il-programm ‘Popolin’ qam is-suġġett tas-sehem tas-social media fiż-żieda ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika.

Id-Direttur għall-Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Remenda Grech spjegat li meta wieħed iħares lejn l-attitudni ta’ diversi produtturi ta’ reklami nistgħu naraw eżempju ċar ta’ kif il-mara qed tiġi użata. “Il-mara qed tiġi ppreżentata b’mod fejn trid tidher perfetta, il-mara trid tidher sabiħa”, dan qed iwassal biex in-nisa jiġu trattati bħala oġġett.

Minn naħa l-oħra l-preżentatur Quinton Scerri staqsa jekk jistax ikun li ħafna nisa jagħmlu din l-għażla meta jesponu ruħhom b’mod eċċessiv. Kemm hu sew li tifla ta’ erbatax -il sena ttella ritratti nofs ġisimha mikxuf fuq is-social media? Għalfejn għandek titfa’ ritratt nofsok awrina biex turi li qeda hemm? Huwa staqsa jekk dan l-atteġġjament hux qed jagħti lok biex il-mara tirċievi kummenti li qed iwasslu biex tiġi trattata bħala oġġett. Id-Direttur għall-Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali mingħajr ma daħlet fil-mertu ta’ jekk hux sew jew le li wieħed jagħżel li jippublika dawn it-tip ta’ ritratti, spjegat li ħadd ma għandu d-dritt li jabbuża minn persuna oħra jew jittratta bniedem bħala oġġett irrispettivament mir-ritratti li wieħed jagħżel li jitfa’ fuq il-midja soċjali tiegħu.

Grech spjegat li meta mara tagħżel li tesponi ruħha b’dak il-mod tkun qed tfittex l-attenzjoni. Dak l-atteġġjament juri li din il-persuna taħseb li biex tkun maħbuba jew mixtieqa għandha bżonn tesponi ruħha b’dak il-mod. Grech temmen li din hija problemi kbira li qed tiffaċċja s-soċjetà għaliex ħafna mid-drabi dawn it-tip ta’ nisa jkunu l-istess nisa li jaċċettaw relazzjoni abbużiva.